Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia ħabbar li se jsir proġett soċjali fil-lokalità tal-Ħamrun.
L-idea li jsir dan iċ-ċentru nibtet mill-Kunsill Lokali li ressaq il-bżonnijiet għal ċentru simili madwar sentejn ilu, qal il-Ministru Farrugia.
Spjega li l-bżonnijiet prinċipali identifikati għal dan il-proġett kienu uffiċċju tas-sigurtà soċjali denju ta’ dan il-lokal u l-madwar, ċentru għall-iżvilupp soċjali (LEAP) għal dan ir-reġjun, u night shelter li jkun jista’ jilqa’ l-anzjani li ilhom jitolbu għal refuġju matul il-lejl.
Il-proġett jinkludi wkoll it-tisbieħ tal-misraħ quddiem il-Kunsill, filwaqt li l-bejt tal-Kunsill se jsir aċċessibbli u msebbaħ sabiex jintuża mill-komunità Ħamruniża u r-residenti tal-madwar, kompla l-Ministru Michael Farrugia.
Il-Ministeru qabad jesplora l-possibbiltajiet. Saru diskussjonijiet mal-kunsill lokali ta’ qabel li kien offra sabiex iċ-ċentru soċjali jsir hawnhekk. F’April tal-2015 tlestew il-pjanti li ġew esposti għall-ewwel darba lill-pubbliku fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-ġnien tar-Rabbat, qal il-Ministru Farrugia.
Il-Ministru spjega wkoll li l-kunsill lokali preżenti kompla bil-ħidma li kien beda l-kunsill ta’ qablu sabiex dan il-proġett ikun jista’ jseħħ.
Dr Farrugia żied li ftit tal-ġimgħat ilu nkisbu l-permessi neċessarji mill-Awtorità tal-Ippjanar u l-Ministeru rranġa sabiex ikun hemm il-fondi meħtieġa biex isir dan il-proġett li meta jitlesta se jkun jiswa ‘l fuq minn terz ta’ miljun ewro.
“Bħalissa qed jiġi mħejji t-tender document għax-xogħlijiet li jridu jsiru u fil-ġimgħat li ġejjin ikun ippubblikat. Huwa ppjanat li dan il-proġett ikun lest lejn it-tieni nofs tas-sena d-dieħla” , ikkonkluda l-Ministru Farrugia.