
Il-Birdlife tinsisti li l-FKNK ġiet fi kliemha
'Il-Gvern messu ilu li applika l-moratorju fuq il-gamiem'

More in Socjali
'Il-Gvern messu ilu li applika l-moratorju fuq il-gamiem'
L-għaqda ambjentali Birdlife qed tisħaq li issa, l-FKNK ġiet fi kliemha meta qed tgħid lill-Gvern sabiex japplika l-moratorju fuq il-gamiem. Birdlife kompliet tinsisti li l-Gvern messu ilu li għamel dan, u "flok stenna lill-FKNK, messu qagħad fuq il-fatti xjentifiċi li ma jmerihom ħadd."
Filwaqt li ddikjarat li mhux l-iskop tagħha li tidħol fl-ebda konfrontazzjoni mal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) jew mal-kaċċaturi, BirdLife Malta tiddikjara li hi tibbaża l-argumenti tagħha biss fuq il-fatti, "u l-fatti xjentifiċi fil-każ tal-Gamiema (European Turtle Dove) huma li din ġiet ikklassifikata bħala speċi vulnerabbli mill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) minħabba tnaqqis drastiku fil-popolazzjoni tagħha fl-aħħar snin."
"F’konferenza tal-aħbarijiet li indirizzat dalgħodu dwar dan, l-FKNK issa ġiet fi kliem BirdLife Malta u minkejja li qed titfa’ dubji fuq id-deċiżjoni tal-IUCN li tpoġġi lill-Gamiema fuq ir-Red List ta’ speċi taħt theddida u fuq iż-żmien li fih ittieħdet din id-deċiżjoni, qed tipproponi li l-Gvern Malti japplika l-moratorju fuq il-kaċċa għall-gamiem fir-rebbiegħa," kompliet tgħid il-Birdlife.
BirdLife Malta qalet li dan ifisser li filwaqt li qabel kien qed jingħad li mhux veru li l-gamiema tinsab fil-periklu, issa l-FKNK qed taċċetta li dan l-għasfur jinsab fi stat vulnerabbli. Qalet ukoll li tilqa’ din id-dikjarazzjoni tal-FKNK għalkemm tiddikjara li l-Gvern messu ilu li għamel moratorju fuq il-kaċċa tal-gamiem fir-rebbiegħa u m’għandux jiddeċiedi dwar dan sempliċiment għax tkellem lobby group imma għandu joqgħod fuq il-fatti."
Birdlife qalet li, "wieħed irid jistaqsi wkoll x’wassal verament lill-FKNK biex tieħu din id-deċiżjoni. Aktar u aktar minħabba li l-Federazzjoni tess indikat li l-Kummissjoni Ewropea diġà bagħtet l-ewwel twissija lill-Gvern Malti u implikat li dan jista’ jkun l-ewwel pass biex Malta terġa’ tittieħed quddiem il-Qorti Ewropea biex din id-darba l-kaċċa fir-rebbiegħa titwaqqaf darba għal dejjem."
Fid-dawl ta’ dan, BirdLife Malta qalet li tistenna li l-Gvern u l-Kummissjoni Ewropea jagħtu widen lill-fatti xjentifiċi u jieħdu l-azzjoni meħtieġa. "Il-pass tal-lum jista’ jfisser raġuni oħra biex BirdLife Malta u l-FKNK jikkoperaw aktar f’dan ir-rigward. Imma r-raġuni ma tridx forza. U l-fatti ma jista’ jmerihom ħadd. Aħseb u ara kemm jistgħu jiġu injorati," temmet tgħid il-Birdlife