Is-servizz tal-escorts qed jopera f’anarkija totali u limbu legali
‘Kif inhi l-liġi bħalissa xejn mhu ċar’

minn Albert Gauci Cunningham / Mark Borg

Ġimgħa wara li din il-gazzetta rrapurtat kif f’Malta hawn madwar 800 mara li qed jirreklamaw lilhom infushom bħala ‘escorts’ u jżommu l-prezz ta’ bejn €100 u €800 fis-siegħa għall-istess servizz li joffru, sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija ddeskrivew is-sitwazzjoni tal-attività onlajn f’pajjiżna bħala “anarkija.” “Għandna anarkija,” spjega dan is-sors mal-ILLUM, “għax minkejja l-passi ’l quddiem li għamilna, għad għandna liġijiet li weħlu fiż-żmien u li ma kinux aġġornati biex jindirizzaw attivitajiet ġodda u reali bħas-servizzi ta’ ‘escort’ onlajn.”
Is-sors mill-Korp tal-Pulizija li tkellem ma’ din il-gazzetta b’kundizzjoni li jibqa’ anonimu spjega kif bħalissa kif inhi il-liġi, huwa meqjus reat li xi ħadd imur fit-triq u jitlajja għal fini ta’ prostituzzjoni. Imma “hija diffiċilissima,” li xi ħadd jinstab ħati ta’ reat jekk jikkrea sit onlajn biex jirreklama servizzi sesswali li mbagħad jingħataw fid-dar privata ta’ dik il-persuna.
‘Kif inhi l-liġi bħalissa xejn mhu ċar’
“Bl-aktar mod ċar, il-liġi ma żammitx mal-pass mgħaġġel li bih mexa l-internet u għalhekk jeżisti limbu legali dwar x’azzjoni jista’ jieħu pulizija, meta jista’ jieħu azzjoni u kif għandu jipproċedi f’każi bħal dawn.”
Minkejja dan, is-sors sostna kif “li tħajjar persuni għas-sess huwa illegali, teknikament”. L-ILLUM staqsa lil dan is-sors x’irid ifisser biha l-kelma ‘teknikament’ bir-risposta tkun li, “kif inhi l-liġi bħalissa, xejn mhu ċar. Il-liġi li titratta l-prostituzzjoni hija mibnija fuq żewġ binarji partikolari jiġifieri fuq l-itlajjar u fuq l-għixien mill-prostituzzjoni. Fin-nuqqas ta’ evidenza ċara li dawn l-affarijiet qed isiru, ikun diffiċli ħafna li takkuża lil xi ħadd b’reat.”
Is-sors li tkellem magħna kkritika bil-qawwi l-istat legali li fih jinsabu prattiċi bħal dawn f’pajjiżna, u sostna li fin-nuqqas ta’ regolazzjoni ċara, “lanqas protezzjoni fir-rigward ta’ saħħa m’għandek.” Huwa kompla jgħid li “wasal iż-żmien li jsiru t-tibdiliet meħtieġa biex attivitajiet bħall-‘escorts’ u l-‘massage parlours’ ikunu regolati. U m’għandniex għalfejn noqogħdu niskandalizzaw irwieħna wisq, għax f’ħafna pajjiżi l-prostituzzjoni hija regolata. Hawn regoli tas-sewqan għal kulħadd, daħħalna liġijiet biex nirrikonoxxu relazzjonijiet omosesswali, jeħtieġ nirregolaw hawn ukoll biex inwaqqfu din l-anarkija gravi li għaddejja onlajn.”
Nhar il-Ħadd li għadda, l-ILLUM irraportat kif hawn madwar 800 mara li qed tirreklama lilha nnifisha bħala ‘escort’ u jaħdmu ma’ diversi aġenziji li mhumiex reġistrati Malta. Dawn in-nisa, fuq il-profil tagħhom jgħidu li ġejjin minn lokalitajiet differenti, għalkemm minn dawk li għamlet kuntatt magħhom din il-gazzetta, ilkoll qalu li qed joffru dan is-servizz fl-akwati ta’ Tas-Sliema , San Ġiljan u Paceville. Nhar il-Ħadd 6 ta’ Diċembru din il-gazzetta kienet ukoll irraportat kif minkejja informazzjoni li ngħatat fil-Parlament li turi kif il-MEPA ħarġet permess wieħed biss għal massage parlour f’sentejn (2013-2015), din il-gazzetta sabet minn tal-inqas sitta. F’dawn is-sitt ħwienet, is-sidien jew impjegati li kienu fuq il-post qalu li kienu ilhom joperaw bejn erba’ xhur u sena.

.png)