
NGOs Maltin jappellaw lill-Gvern biex jwaqqaf trasferiment ta’ armi lejn Iżrael
NGOs Maltin jitolbu lill-Gvern jwaqqaf kwalunkwe trasferiment ta’ armi lejn Iżrael

More in Socjali
NGOs Maltin jitolbu lill-Gvern jwaqqaf kwalunkwe trasferiment ta’ armi lejn Iżrael
Grupp ta’ 18-il organizzazzjonijiet Malti mhux governattivi għamlu appell konġunt lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg, fejn qed jitolbu lill-Gvern jieħu passi biex jipprojbixxi t-trasferiment ta’ provvisti militari lejn Iżrael, fid-dawl tal-allegazzjonijiet ta’ ksur tal-liġi internazzjonali umanitarja.
Fost il-firmatarji hemm Moviment Graffitti, Aditus Foundation, PEN Malta, u l-General Workers’ Union, li qed jitolbu lill-Gvern Malti biex japplika b’mod rigoruż l-obbligi tiegħu taħt il-liġi internazzjonali, speċjalment billi jipprevjeni kwalunkwe vapur li jtajjar il-bandiera Maltija milli jittrasporta armi jew tagħmir militari lejn żoni ta’ kunflitt, b’mod partikolari lejn Iżrael.
Fl-ittra indirizzata lill-Ministru Borg, l-NGOs saħqu li trasferimenti bħal dawn jistgħu jikkostitwixxu kontribut lejn atti serji bħal ġenoċidju, apartheid u okkupazzjoni illegali. “Is-soċjetà ċivili Maltija hi magħquda fit-talba tagħha lill-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu l-obbligi tagħhom taħt il-liġi internazzjonali u jwaqqfu kwalunkwe trasferiment illegali ta’ provvisti militari destinati għall-użu fil-vjolenza ġenoċidali ta’ Iżrael,” tgħid l-istqarrija.
L-appell jinkludi sejħa biex tintagħta direttiva ċara li kull bastiment bil-bandiera Maltija li jinstab li kiser dawn ir-regolamenti jkun suġġett għal tneħħija tal-bandiera, kif ukoll proċeduri legali kontra l-kaptan, is-sid u l-operatur tal-vapur.
L-organizzazzjonijiet isemmu wkoll każ riċenti li jinvolvi lill-vapur HC Opal, li huwa proprjetà ta’ International Maritime Management u operat minn Ocean 7 Project, u li wassal għal azzjoni diretta mill-gvern ta’ Antigua u Barbuda. Skont l-NGOs, Malta għandha timxi fuq l-istess passi u tadotta pożizzjoni soda f’dan ir-rigward, flimkien mal-fehmiet ta’ esperti legali internazzjonali li jsostnu li l-istati għandhom jimpedixxu kumpaniji taħt ġurisdizzjoni tagħhom milli jkunu involuti f’trasferimenti illegali ta’ armi.
“Il-liġi hi ċara,” tgħid l-ittra. “It-trasferiment ta’ materjal militari lejn Iżrael huwa pprojbit meta dan il-pajjiż hu plawżibbilment involut f’ġenoċidju, f’politiki ta’ apartheid u f’okkupazzjoni illegali.”
Din it-talba hi parti minn kampanja ikbar appoġġjata mill-moviment Boycott, Divestment, Sanctions (BDS), li tfittex li żżomm kemm stati kif ukoll korporazzjonijiet responsabbli għall-kompliċità tagħhom fi ksur tad-drittijiet tal-Palestinjani.