Id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg tħalla b’togħma ħażina f’ħalqu wara li ngħata ċitazzjoni talli kien qed juża l-mowbajl, waqt li kien imwaħħal fit-traffiku bil-karozza mitfija.
Fuq Facebook, Borg tella’ ritratt ta’ pulizija jagħtih ċitazzjoni talli ma kellux l-kontroll kollu tal-karozza. Huwa qal li kien ilu mweħħel fit-traffiku għal siegħa u nofs u li wara li tefa’ l-karozza, għamel telefonata għax kien qiegħed tard.
Iżda għal Borg it-traffiku ma kienx uġigħ ta’ ras biżżejjed u waqt li kien qed jagħmel it-telefonata, tfaċċa pulizija u tah ċitazzjoni talli ma kellux il-kontroll tal-karozza.