Il-MEUSAC b'għodda edukattiva ġdida dwar l-UE

Din l-għodda f'forma ta' DVD tnediet biex tqarreb aktar l-UE lejn l-istudenti Maltin u Għawdxin

Dalgħodu l-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli, ippreżentat lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo għodda edukattiva għall-għalliema dwar l-Unjoni Ewropea.

Din l-għodda interattiva f’forma ta’ DVD bit-tema Europe and the European Union ġiet żviluppata mill-MEUSAC bħala mezz ieħor biex ikompli jwettaq il-funzjoni tiegħu li jqarreb l-Unjoni Ewropea lejn iċ-ċittadini f’Malta u f’Għawdex, inkluż l-istudenti. Dan id-DVD li huwa bl-Ingliż jikkonsisti f’erba’ taqsimiet: L-Istorja tal-Unjoni Ewropea; Malta fl-Unjoni Ewropea; Kif taħdem l-Unjoni Ewropea; Kif l-Unjoni Ewropea taffettwa l-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Il-Ministru Helena Dalli qalet li din ir-riżorsa edukattiva hija waħda minn ħafna modi ta’ kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali u dak tal-Edukazzjoni biex ir-realtajiet ta’ pajjiżna jitwasslu lill-istudenti b’mod li jifhmuh. B’hekk, waqt li jsiru jafu aktar x’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tagħhom, jagħrfu japplikawhom fil-ħajja ta’ kuljum, bħal fl-oqsma tal-konsumaturi u d-drittijiet tal-bniedem. Dan jgħodd ukoll għall-Unjoni Ewropea, qalet il-Ministru Dalli, għax waqt li l-adulti kellhom jadattaw għall-bidliet li din ir-realtà ġabet magħha għal pajjiżna, it-tfal jistgħu jitgħallmu dan sa miċ-ċokon. Hawn irreferiet b’mod partikolari għal sezzjoni tad-DVD li tittratta kif l-Unjoni Ewropea taffettwa l-ħajja ta’ kuljum.   

Il-Ministru Evarist Bartolo semma’ kif wara s-sħubija ta’ pajjiżna, l-Unjoni Ewropea ma baqgħetx titqies bħala realtà barranija, u hija proġett, li għalkemm uniku, qiegħed dejjem jinbidel u jiffaċċja sfidi ġodda u diffiċli. Għaldaqstant huwa importanti li sa minn età żgħira, it-tfal ikunu jafu xi tfisser l-Unjoni li huma parti minnha. Żied li ż-żgħażagħ għandhom jidħlu għal iktar opportunitajiet ta’ skambji u esperjenzi ta’ studju jew xogħol barra minn xtutna.

Il-Kap tal-Meusac  Vanni Xuereb, spjega li din ir-riżorsa edukattiva ġiet żviluppata biex toffri lill-għalliema informazzjoni dettaljata u konċiża fuq l-Unjoni Ewropea. B’hekk, sa minn etajiet żgħar, it-tfal u l-adoloxxenti Maltin ikunu infurmati aktar dwar kif taħdem l-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet li jiffurmawha.

Huwa rringrazzja lill-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni għall-kollaborazzjoni tagħhom biex dan id-DVD jiġi rrakkomandat u jitqassam lill-iskejjel f’Malta u Għawdex. Hu rringrazzja wkoll lir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta għall-kollaborazzjoni tagħhom, peress li dan il-proġett kien kollu finanzjat b’fondi Ewropej taħt ftehim imsejjaħ Management Partnership bejn il-MEUSAC u l-Kummissjoni Ewropea. Qal li minkejja li dan il-ftehim issa ġie fi tmiemu, il-koperazzjoni li teżisti se tibqa’ għaddejja taħt forom oħra bejn dawn l-entitajiet.

Fil-ġranet li ġejjin dan id-DVD se jkun qiegħed jitqassam lill-għalliema fl-iskejjel primarji u sekondarji kollha f’Malta u f’Għawdex.

More in Socjali