Sussidju lil studenti Maltin li jistudjaw f'Għawdex

Miżura biex tinkoraġġixxi Maltin jistudjaw f'Għawdex

Waqt open day fl-MCAST t’Għawdex il-Ministru għal Għawdex ħabbar l-għoti ta’ sussidju lill-istudenti Maltin li qed jistudjaw f’Għawdex. Dr Refalo fakkar fl-assistenza finanzjarja provduta lill-istudenti Għawdxin li jattendu korsijiet fuq bażi full-time l-Università ta’ Malta kif ukoll lil dawk l-istudenti li qegħdin jattendu korsijiet fuq bażi full-time fl-MCAST u fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’Malta sabiex jitnaqqas il-piż finanzjarju addizzjonali tagħhom. Dawn l-istudenti qed jirċievu direttament fil-kont bankarju tagħhom, mingħand il-Ministeru għal Għawdex, sussidju ta’ €400 kull tliet xhur.

Il-Ministru Refalo tenna li minn din is-sena skolastika l-studenti li huma residenti f’Malta u li qegħdin isegwu korsijet full-time fil-Kampus t’Għawdex tal-Università kif ukoll fl-MCAST u fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’Għawdex huma eliġibbli li japplikaw għal dan is-sussidju partikulari.  Il-Ministeru għal Għawdex japprezza d-diffikultajiet miżjuda li jiffaċċjaw l-istudenti Maltin li jiġu jistudjaw f’Għawdex u għalhekk ra l-bżonn li dawn l-istudenti jibbenefikaw ukoll minn dan is-sussidju.

Din il-miżura se tinkoraġġixxi lill-istudenti li huma residenti f’Malta sabiex jattendu korsijiet fuq bażi full-time f’Għawdex u hija skont il-politika tal-Gvern li jinċentiva lill-istudenti b'għotjiet finanzjarji ħalli jkomplu l-istudji ogħla jew taħriġ vokazzjonali.

More in Socjali