Jeżisti jum għal dawk li aktar ma jonqos iż-żmien, aktar qed jonqsu - dak il-Jum kontra d-Dieta, li huwa ċċelebrat propjament illum, is-6 ta' Mejju. Dan huwa jum maħsub biex wieħed jieqaf u jaħseb dwar jekk is-sagrifiċċji li qed jagħmel meta jkun fuq dieta jagħmlux sens jew le, jekk hux iħallu l-frott mixtieq, jew jekk hux qed jagħmlu aktar ħsara milli ġid.
Kienet Mary Evans Young, eks vittma tal-anoressja hija l-moħħ wara dan il-jum, fejn stqarret għaliex ddeċidiet tibda jum simili - "iddeċidejt li nieħu azzjoni wara li rajt programm fejn n-nisa kienu qed jagħmlu inverventi kirurġiċi biesx jonqsu, u wara li sirt naf li tfajla ta' 15-il sena qatlet lilha nnifisha għax kienu qed jaqbdu magħha għax kienet ħoxna."
L-ewwel darba li ġie ċċelebrat dan il-jum sar picnic f'Hyde Park, però mis-sena ta' wara dan il-jum beda jiġi ċċelebrat fl-Istati Uniti, fil-Kanada fl-Awstralja, tant li xi assoċjazzjonijiet tal-Istati Uniti staqsew lil Evans biex iċċaqlaq id-data mill-5 ta' Mejju għas-6 ta' Mejju, minħabba li fil-5 ta' Mejju hija ċċelebrata il 'cinco de Mayo' fl-Istati Uniti.
L-għan ta' dan il-jum huwa li wieħed jaċċetta l-piż li għandu, li jkun hemm aktar kuxjenza dwar id-diskiminazzjoni li wieħed isoffri minnha minħabba l-piż tiegħu, u l-għarfien li d-dieti stretti ħafna drabi ma jaħdmux.
In-National Centre for Eating Disorders fil-Kanada jispjega kif dan il-jum huwa opportunità tajba sabiex jiġu mħeġġa stili ta' ħajja tajbin għas-saħha, mingħajr l-ossessjonijiet dwar il-piż jew id-daqs tal-ħwejjeġ li tilbes. L-istess assoċjazzjoni tikkwota sondaġġ li 30% tat-tfajliet bejn l-10 u l-14-il sena għamlu dieta minkejja li kellhom piż normali, fejn ifakkar kif dawn it-tip ta' ossessjonijiet huma ħżiena għas-saħħa, u li wieħed jaqta' figura aħjar kieku jiffoka fuq li jkollu stil ta' ħajja li permezz tiegħu jirrispetta s-saħħa fiżika, imma wkoll dik psikoloġika tiegħu.