L-istorja tal-avjazzjoni f'Malta għadha qed tinkiteb

Mitt sena mit-titjira tal-ajruplan tal-baħar

Mitt sena mit-titjira tal-ajruplan tal-baħar
Mitt sena mit-titjira tal-ajruplan tal-baħar

“Kien eżattament seklu ilu li ajruplan “seaplane” għamel l-ewwel titjira minn ġewwa l-Port il-Kbir. Filwaqt li niċċelebraw dan l-avveniment storiku, ta’ min wieħed jifli l-passi li wasslu għall-iżvilupp tal-avjazzjoni f’Malta, u x’tifsira sar għandu dan is-settur illum il-ġurnata.” Dan qalu l-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis waqt diskors tal-okkażjoni.

Zammit Lewis qal li grazzi għall-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta, l-avjazzjoni bħala industrija rat bidu bikri. Żied jgħid li bil-miġja tal-ajruplani bil-‘jet engine’ u l-ivvjaġġar tal-massa, ġew miżrugħa ż-żrieragħ għall-futur ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika ewlenija.

“Minn dakinhar, Malta qatt ma ħarset lura, u  l-ivvjaġġar bl-ajru tal-massa, li kien sar possibbli permezz tal-progress teknoloġiku, wassal għal tkabbir qawwi fl-industrija tat-turiżmu. F’dan il-perjodu, għal skopijiet strateġiċi, inħass il-bżonn sabiex Malta jkollha linja nazzjonali tal-ajru tagħha, u fl-1973, twieldet l- Air Malta.”  

Zammit Lewis qal li l-istorja tal-avjazzjoni f'Malta għadha qed tinkiteb u semma kif l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li hu fih innifsu monument ħaj għal din l-industrija, qed iservi bħala pont dinamiku bejn Malta u l-kumplament tad-dinja.

Il-Ministru temm id-diskors tiegħu billi sellem lil dawk il-protagonisti, kemm tal-passat kif ukoll tal-preżent, tas-settur tal-avjazzjoni Maltija, għall-isforzi tagħhom fl-iżvilupp ta’ dan il-kontributur tant importanti  għal pajjiżna.

More in Socjali