Ix-xogħol fuq il-bini ta’ kċina ġdida għadu ma bediex

Wara l-egħluq tal-kċina tal-isptar San Vinċenz

Hekk kif għaddew aktar minn sitt xhur minn meta s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana ħabbret li l-Gvern se jagħlaq il-kċina fir-Residenza San Vinċenz de Paul u jibni waħda ġdida, jidher li x-xogħol għadu ma bediex hekk kif il-MEPA għadha ma ħarġitx il-permessi meħtieġa.

Il-kċina ta’ San Vinċenz kienet ingħalqet wara li ġiet iċċertifikata li għandha livell taħt il-livell meħtieġ tant li Caruana kienet sostniet li l-kċina ma toffrix livelli tajbin ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema. Anke r-Rapport tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali kien jgħid li l-kċina hija ta’ Grad F u li hemm 61.30% fattur ta’ riskju.

Is-Segretarju Parlamentari kienet qalet li fid-dawl ta’ dan ir-rapport ittieħdet id-deċiżjoni li tingħalaq il-kċina eżistenti u tinbena kċina waħda kompletament ġdida.

Intant mitluba tikkummenta minn din il-gazzetta dwar id-dewmien biex jinbeda x-xogħol fuq il-kċina l-ġdida, Caruana qalet li sa mill-ewwel ġurnata li ngħalqet il-kċina beda x-xogħol biex ikun hemm waħda ġdida. 

Aktar fuq il-ħarġa tal-ILLUM

More in Socjali