Il-poplu jsemma’ leħnu wara Reporter

Il-poplu qed jilmenta fuq il-problema tat-traffiku f'pajjiżna.

Reporter jixxandar nhar ta’ Tnejn fuq TVM fl-9.55pm
Reporter jixxandar nhar ta’ Tnejn fuq TVM fl-9.55pm

Fl-ewwel programm mill-iskeda l-ġdida ta’ Reporter id-diskussjoni kienet it-trasport, it-traffiku u l-konġestjoni. Fost il-mistiedna kien hemm il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi u l-eks ministru Nazzjonalista Jesmond Mugliett.

Immedjatament malli beda l-programm il-poplu ħass il-bżonn li jsemma’ leħnu fuq il-problemi li jiltaqa’ magħhom ta’ kuljum fuq il-paġna uffiċjali ta’ Reporter fuq Facebook. Ħafna staqsew għalfejn ix-xogħlijiet fit-toroq bħal żebgħa tal-linji u tisqija tar-roundabouts eċċ qed isiru matul il-ġurnata. “F’pajjiżi oħra dawn dejjem isiru matul il-lejl biex jevitaw konġestjonijiet tat-traffiku” qal wieħed mill-kummenti.

Mistoqsija oħra kienet fuq meta se jitwaħħlu l-kameras mad-dwal tat-traffiku kif hemm f’pajjiżi Ewropej.

Telespettatur qed isaqsi jekk hemmx xi liġi li timponi fuq l-armar tal-karozzi li ħafna drabi jitwaħħlulhom xi affarijiet mas-silencer biex jagħmlu iktar storbju huma u għaddejjin. It-telespettatur qed jgħid li f’ċertu żoni ta’ Malta dawn il-karozzi huma iktar komuni min-naħat oħra u joħolqu inkonvenjent kontinwu għall-komunitajiet minn fejn jgħaddu dawn il-karozzi. 

Ħafna huma xettiċi dwar l-istħarriġ li jgħid li Malta għandna l-aħjar sistema ta’ trasport pubbliku. Telespettaturi qalu li kemm-il darba kienu f’pajjiżi oħra Ewropej u raw li s-servizz tat-trasport pubbliku tagħhom kien ferm aħjar minn tagħna “għax ma jħallukx siegħa tistenna”, jew “jaqbdu u ma jiġux.”

Kumment ieħor kien fuq in-nuqqas ta’ użu li nagħmlu mill-baħar biex kemm jista’ jkun innaqqsu t-trasport fuq l-art. 

Uħud saħqu li n-negozji u l-ħwienet għandhom jibdew jiftħu kollha fl-10am biex b’hekk tilħaq tgħaddi l-konġestjoni tal-iskejjel u l-uffiċini mit-toroq u b’hekk għal ħabta tad-9am joħorġu dawk li jaħdmu fil-ħwienet biex dawn ma jiltaqgħux ma’ dawk li jibdew skejjel u xogħol kmieni. 

Ħafna qalu li kellu jkun hemm rappreżentanza minn Ħal Qormi fil-programm b’referenza għal għadd ta’ sindki minn lokalitajiet assoċjati mat-traffiku. Oħrajn għamlu referenza lejn lokalitajiet fin-Nofsinhar ta’ Malta bħal Raħal Ġdid b’mod speċjali n-niżla taċ-ċimiterju. Ieħor ikkummenta li minħabba li dawn il-lokalitajiet qegħdin fin-Nofsinhar ta’ Malta ma jingħatawx attenzjoni ħlief meta jkun wasal iż-żmien għal vot. 

Segwaċi żagħżugħ qal li carpooling hija s-soluzzjoni. Qal li hemm bżonn indaħħlu kultura ta’ carpooling illejla qabel għada nkella mhux se nsibu soluzzjoni. 

 

Kummenti u lmenti dwar it-trasport pubbliku eżistenti

 

Persuna kiteb li tifel tħalla jimxi minn Marsa sa Bormla hekk kif ix-xufier waqqaf ix-xarabank fil-Park & Ride tal-Marsa u qallu li “m’għandux aptit jitla’ sa Bormla.” 

Ilmenti dwar ix-xarabank numru 109 li titlaq mir-Rabat u tgħaddi minn Ħaż-Żebbuġ. Persuni lmentaw li din qed taqbeż Ħaż-Żebbuġ u tibqa’ għaddejja dritt u ma tgħaddix minn ħdejn il-waqfiet li suppost. B’hekk tħalli numru ta’ nies jistennew fix-xemx għax-xarabank ta’ warajha. 

Ilment ieħor kien li hemm mini-bus minn Mater Dei għall-Belt li qed ikun dejjem mimli b’hekk ħafna jkollhom jistennew għal tul ta’ ħin sabiex ikunu jistgħu jaslu minn Valletta sa Mater Dei jew viċi-versa. L-ilment kien qed jgħid li dan il-vann għandu jinbidel għal xarabank biex ikun jista’ jesa’ iktar nies.

Intant Reporter jirritorna għada fejn se jiddiskuti s-suġġett tas-saħħa, Mater Dei, l-istennija, it-trattament tal-pazjenti Libjani, is-sitwazzjoni f’San Vinċenz de Paule u Monte Karmeli fost l-oħrajn. Bħala mistiedna se jkun hemm is-Segretarju Parlamentari Laburista għas-Saħħa Chris Fearne, Claudio Grech mill-PN u professjonisti oħra.

Wieħed jista’ jħalli l-kummenti u l-mistoqsijiet tiegħu fuq il-paġna ta’ Facebook www.facebook.com/reporterontvm jew fuq Twitter @reportermalta

Reporter, live, għada fl-9.55pm fuq TVM.

More in Socjali