Grupp ta’ 80 akkademiku qed jitlob reviżjoni indipendenti u komprensiva tas-sistema tal-ġurija f’Malta, wara verdetti ta’ liberazzjoni f’każijiet marbuta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u Lassana Cisse li, skonthom, ħallew impatt serju fuq il-fiduċja tal-pubbliku fil-ġustizzja.
F’ittra miftuħa indirizzata lill-Prim Ministru Robert Abela, l-akkademiċi esprimew dak li ddeskrivew bħala diżappunt u tħassib profond dwar dawn il-verdett, filwaqt li qajmu mistoqsijiet dwar kemm is-sistema attwali tal-ġurija qed taqdi l-funzjoni tagħha b’mod effettiv.
Huma wissew b’mod partikolari dwar il-messaġġ li verdetti bħal dawn jistgħu jwasslu lis-soċjetà, speċjalment lill-komunitajiet minoritarji, persuni vulnerabbli, ġurnalisti u dawk li jieħdu pożizzjoni kontra d-diskriminazzjoni, l-inġustizzja u l-abbuż tal-poter.
L-akkademiċi għamluha ċara li mhumiex qed jikkontestaw l-indipendenza tal-ġudikatura jew il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza.
Madankollu, saħqu li ċ-ċittadini għandhom kull dritt jeżaminaw u jistaqsu jekk is-sistema ġudizzjarja hijiex qed taħdem b’mod effettiv.
Skonthom, il-fatt li l-ġustizzja hija wieħed mill-pilastri fundamentali tad-demokrazija ma jfissirx li għandha tkun eżentata mill-iskrutinju, mill-kritika jew mir-riforma.
“Soċjetà demokratika ma tistax taffordja li titlef il-fiduċja fis-sistema ġudizzjarja tagħha,” qalu l-akkademiċi fl-ittra.
“Il-ġustizzja trid taqdi lil kulħadd, mingħajr distinzjoni, diskriminazzjoni jew preġudizzju.”
Jipproponu kumitat indipendenti biex jeżamina s-sistema tal-ġurija
Fl-ittra tagħhom, l-akkademiċi appellaw lill-awtoritajiet biex jieħdu t-tħassib tagħhom bis-serjetà u jibdew reviżjoni indipendenti mingħajr aktar dewmien.
Huma pproponew it-twaqqif ta’ kumitat tekniku indipendenti magħmul minn esperti legali, akkademiċi, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u persuni oħra b'esperjenza rilevanti.
Dan il-kumitat għandu jingħata l-inkarigu li jwettaq eżami komprensiv tas-sistema tal-ġurija f’Malta, ibbażat fuq l-evidenza.
Ir-reviżjoni għandha tanalizza l-effettività tas-sistema, il-garanziji li tipprovdi, il-proċeduri li jiġu segwiti, il-livell ta’ trasparenza u kemm il-mekkaniżmi eżistenti jiżguraw amministrazzjoni tal-ġustizzja ġusta u imparzjali.
L-akkademiċi saħqu wkoll li dan l-eżerċizzju m’għandux ikun limitat għall-esperjenza Maltija, iżda għandu jqis riċerka internazzjonali, prattiki ġudizzjarji komparattivi u l-esperjenzi ta’ pajjiżi demokratiċi oħra.
Il-kumitat propost għandu mbagħad jippreżenta rakkomandazzjonijiet konkreti għal bidliet leġiżlattivi, proċedurali jew istituzzjonali, bil-għan li tissaħħaħ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja u terġa’ tinbena l-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema.
“Din mhix attakk fuq l-indipendenza tal-ġudikatura”
L-akkademiċi insistew li t-talba tagħhom ma għandhiex titqies bħala attentat biex tiġi mdgħajfa l-indipendenza tal-ġudikatura jew id-drittijiet fundamentali tal-persuni akkużati.
Għall-kuntrarju, sostnew li r-reviżjoni proposta hija motivata mix-xewqa li Malta jkollha sistema ġudizzjarja li mhux biss tkun indipendenti, iżda wkoll ġusta, effettiva u responsabbli.
“Is-sejħa tagħna mhix attakk fuq l-indipendenza tal-ġudikatura, u lanqas tentattiv biex indgħajfu d-drittijiet fundamentali tal-akkużati,” qalu.
“Għall-kuntrarju, tirrifletti l-impenn tagħna favur sistema ġudizzjarja li tkun indipendenti, ġusta, effettiva, responsabbli u denja tal-fiduċja li jagħtuha n-nies li hija maħsuba biex taqdi.”
L-akkademiċi temmew billi appellaw lill-Gvern biex ma jinjorax it-tħassib li qajmu u jieħu passi konkreti biex is-sistema tal-ġurija tiġi eżaminata b’mod indipendenti.