Raġel ta’ 41 sena sofra ġrieħi gravi wara li ntlaqat minn karozza fil-Marsa s-Sibt filgħaxija, bil-Pulizija tgħid li x-xufier allegatament ħarab minn fuq il-post.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10pm fi Triq Diċembru Tlettax, fejn il-Pulizija ssejħet biex tassisti persuna midruba.
Minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li l-vittma, raġel ta’ 41 sena mill-Bangladesh residenti l-Marsa, kien intlaqat minn vettura li telqet minn fuq il-post.
Tim mediku assista lir-raġel, li ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza u aktar tard ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
Il-Pulizija bdiet tfittxija għall-vettura u, wara investigazzjonijiet, identifikat BMW li nstabet ipparkjata f’Wied il-Għajn.
Ftit wara ġie arrestat l-allegat xufier, raġel ta’ 41 sena residenti Ħaż-Żabbar.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin biex tiġi stabbilita d-dinamika eżatta tal-każ.