DIRETT | Il-ġuri ta' Yorgen Fenech ikompli llum b'xhieda ġodda

Il-ġuri ta' Yorgen Fenech dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia jkompli llum b'fażi ġdida tax-xhieda

🔴 DIRETT
09:33

Il-Prosekuzzjoni ssejjaħ lis-Surġent Garry Scerri, li bħalissa huwa stazzjonat fl-Iskwadra tal-Omiċidji.

Scerri jgħid li beda fil-Korp tal-Pulizija bħala kuntistabbli u, wara, ġie promoss għas-surġent.

Huwa jixhed li kien involut fl-investigazzjoni tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia sa mill-ewwel jum, u jgħid li fit-18 ta' Ottubru 2017 kien inkarigat jakkumpanja lill-esperti maħtura mill-Qorti biex jinġabar filmat tas-CCTV mill-inħawi tal-Bidnija.

Jgħid ukoll li, ġurnata qabel, meta waslu Malta l-aġenti tal-FBI, kien inkarigat jiggwidahom fil-postijiet fejn kellhom iwettqu l-investigazzjonijiet tagħhom.

Scerri jkompli jispjega li fil-21 ta' Ottubru kien preżenti waqt l-intervista ma' Wallace Sammut, li qal lill-investigaturi li kien innota karozza bajda tal-kiri iddur fl-inħawi fil-jiem ta' qabel il-qtil u anke dakinhar tal-isplużjoni.

Aktar tard fl-investigazzjoni, Scerri jgħid li kien ukoll inkarigat jiġbed filmat ta' dgħajsa biex isir paragun forensiku ma' filmat ieħor miġbur fis-16 ta' Ottubru.

Jaelle Borg
09:31

Il-prosekuzzjoni tgħid lill-Qorti li d-difiża qed titlob biex żewġ sentenzi minn paġna 3442 tar-rapport tal-Inkjesta Pubblika jiġu mgħottija qabel il-qari tagħhom quddiem il-ġurati.

L-avukat Giannella de Marco tgħid li s-sentenzi jirrigwardaw komunikazzjoni bejn tabib u pazjent, u tisħaq li huma ta' natura strettament personali u m'għandhom l-ebda rilevanza għall-każ.

Jaelle Borg
09:14

Insellmulkom għall-aġġornamenti diretta mis 27 jum tal-ġuri ta' Yorgen Fenech

Illum il-Qorti mistennija tisma' xhieda ġodda, wara li lbieraħ intemm il-kontroeżami tal-eks Chief of Staff Keith Schembri, li ċaħad kull involviment fil-qtil u akkuża diversi xhieda li gidbu dwaru.

Se nkunu qed inwasslulkom l-iżviluppi kollha hekk kif iseħħu.

 

Jaelle Borg

Hekk kif il-ġuri ta' Yorgen Fenech jidħol fis-27 jum tiegħu l-Ġimgħa filgħodu, is-seduta tal-Ħamis għalqet il-kontroeżami ta' Keith Schembri, li ċaħad b'mod kategoriku kull allegazzjoni li torbtu mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Schembri insista li ma kellu "ebda konnessjoni" ma' David Gatt, Melvin Theuma jew mal-aħwa Degiorgio u ċaħad li qatt ordna l-qtil tal-ġurnalista jew bagħat lil xi ħadd biex joqtol lil Theuma.

Matul il-kontroeżami, Schembri ddeskriva lil Melvin Theuma bħala "l-akbar giddieb fid-dinja" u qal li Kenneth Camilleri gideb meta xehed li kien jibża’ minnu. Huwa ċaħad ukoll ix-xhieda ta’ Johann Cremona, li kien allega li ntbagħat minnu biex jikkalma lil Theuma, filwaqt li ċaħad ukoll l-akkużi ta’ George Degiorgio li kien il-mandant tal-qtil u ta’ David Gatt li kien sostna li Schembri kien il-persuna wara l-assassinju. Għalkemm qal li "mhux ix-xhieda kollha" kienu qed jigdbu, insista li kull min implikah fil-qtil ma qalx il-verità u esprima dispjaċir għal Johann Cremona, għax skont hu "ried jitkellem, iżda ma setax."

Parti oħra importanti tas-seduta ffokat fuq ir-relazzjoni tiegħu ma’ Yorgen Fenech. Schembri qal li mix-xhieda kollha tiegħu ħareġ ċar li kien jgħin lil Fenech u sostna li għadu jgħinu sal-lum. Meta mistoqsi għaliex Fenech kien allega li hu kien il-mandant tal-qtil, wieġeb li ma kienx jaf. Mistoqsi mill-Imħallef Edwina Grima jekk jaħsibx li kien hemm xi raġuni għaliex Fenech semmieh, Schembri qal: "Ma nafx. Imma qatt mhu se ninsa l-ħbiberija li kelli miegħu."

Il-kontroeżami ffoka wkoll fuq il-laqgħa bejn Schembri u Melvin Theuma f’Kastilja. Schembri sostna li kien sema’ li Theuma kien jiftaħar b’ritratt meħud miegħu u kien beħsiebu jużah biex jagħmel pressjoni fuq il-Gvern bil-għan li jikseb maħfra presidenzjali. Huwa ċaħad ukoll ix-xhieda ta’ Theuma li wara dik il-laqgħa kien ħass li kiseb poter jew influwenza.

Aktar tard, il-kontroeżami mar fuq il-kawżi ta’ libell li Schembri kien fetaħ kontra Caruana Galizia. Huwa qal li, sa fejn jiftakar, dawn kienu relatati mal-istorja ta’ 17 Black u mhux mal-artikli dwar Egrant, filwaqt li spjega li eventwalment irtirahom wara li Caruana Galizia nqatlet. De Marco qrat ukoll diversi artikli li l-ġurnalista kienet kitbet dwar il-kanċer tiegħu. Schembri qal li dawk il-kitbiet ma weġġgħuhx personalment, iżda kellhom impatt qawwi fuq il-familja tiegħu, b’mod partikolari fuq uliedu. Huwa qal li, għalih, il-kitbiet “ma qabżux il-linja”, iżda għall-familja tiegħu iva. Żied jgħid li xi investituri barranin kienu jilmentaw miegħu dwar il-kitbiet ta’ Caruana Galizia, iżda insista li qatt ma ta każ ta’ kummenti tagħhom, li Caruana Galizia kellhom “jeħilsu minnha”.

F’parti oħra tax-xhieda, Schembri qal li dejjem kien jaf li l-allegazzjonijiet kontrih kienu foloz u għalhekk kien jidħaq bihom. Huwa qal ukoll li xi nies kienu jsejħulu "Il-K", filwaqt li spjega li "Il-Lupu" kien laqam li kien jużalu l-avukat tiegħu.

Is-seduta ntemmet b’episodju mhux mistenni meta Schembri qal lill-Qorti li, minkejja li kien taħt sorveljanza kontinwa tal-pulizija waqt ix-xhieda tiegħu, kien avviċinat minn impjegat tal-Qorti. Dan talab lil Schembri biex jgħinu jiġi trasferit għal xogħol ieħor. L-Imħallef Edwina Grima sejħet lill-Marixxal biex jixhed, fejn dan qal li Schembri kien eskortat il-ħin kollu u li persuna waħda biss ippruvat tkellmu, iżda tneħħiet immedjatament. Wara li semgħet iż-żewġ verżjonijiet, l-Imħallef ordnat lil Kap Eżekuttiv al-Qrati jinvestiga l-allegazzjoni u jippreżenta rapport lill-Qorti. 

Il-prosekuzzjoni tkompli tressaq aktar xhieda l-Ġimgħa filgħodu.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini, Anthony Vella u Danika Vella, flimkien mal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra.

Yorgen Fenech qed ikun rappreżentat mill-avukati Charles Mercieca, Giannella de Marco u Gianluca Caruana Curran. L-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi qed jidhru f'isem il-familja Caruana Galizia. Il-ġuri qed jinstema' quddiem l-Imħallef Edwina Grima.

 

 

 

 

More in Qrati u Pulizija