Investigazzjoni wara li €700,000 ġew mitfugħa fil-baħar

L-awtoritajiet Taljani qed jinvestigaw il-każ wara li mijiet ta' eluf ta' ewro nġabru mill-baħar wara li speedboat li kien telaq minn Malta spiċċa bil-ħsara fil-magna qrib il-kosta Sqallija

L-awtoritajiet Taljani fetħu investigazzjoni wara li madwar €700,000 fi flus kontanti allegatament intefgħu fil-baħar minn speedboat li kien telaq minn Malta wara li dan sofra ħsara fil-magna qrib il-kosta ta' Sqallija.

L-inċident seħħ it-Tlieta waranofsinhar qrib Casuzze, lokalità kostali f'Santa Croce Camerina, fil-provinċja ta' Ragusa.

Il-gazzetta oħt, MaltaToday, hija infurmata li abbord l-ispeedboat ta' madwar 18-il pied kien hemm tliet irġiel u tifel ta' madwar 13-il sena.

Skont il-gazzetta Taljana LiveUniCT, l-imbarkazzjoni baqgħet mingħajr saħħa fil-magna, allegatament wara li spiċċatilha l-fjuwil, u bdiet tersaq lejn ix-xatt. L-okkupanti mbagħad talbu għall-assistenza.

Qabel ma waslu t-timijiet tas-salvataġġ, l-investigaturi jallegaw li persuni abbord tefgħu diversi qfief ta' flus fil-baħar f'tentattiv apparenti biex jeħilsu minnhom.

Il-flus li bdew jżommu f'wiċċ il-baħar ġibdu l-attenzjoni ta' nies li kienu fuq il-bajja, li daħlu jiġru fl-ilma biex jiġbru l-karti tal-flus, u ħolqu xeni ta' konfużjoni qabel ma l-pulizija u l-Gwardja tal-Kosta kkontrollaw iż-żona.

L-awtoritajiet Taljani qalu li rnexxielhom jirkupraw kważi l-flus kollha. Fl-operazzjoni ħadu sehem il-Gwardja tal-Kosta, il-Guardia di Finanza, il-Pulizija tal-Istat u l-Carabinieri.

Meta waslu fuq il-post, il-pulizija sabet persuna waħda abbord l-imbarkazzjoni, filwaqt li t-tliet persuni l-oħra kienu allegatament niżlu l-art biex ifittxu l-għajnuna. Aktar tard, l-erba' persuni kollha ġew identifikati u interrogati.

L-ispeedboat ġie ssekwestrat sabiex isiru eżamijiet forensiċi u tekniċi.

Il-Kummissarju tal-Pulizija ta' Ragusa, Salvatore Fazzino, qal li kien proprju l-ħsara fil-magna li wasslet biex l-awtoritajiet jinterċettaw l-imbarkazzjoni.

"Kieku kollox mar sew, ma konniex ninterċettawha," qal Fazzino, filwaqt li żied li l-Gwardja tal-Kosta rkuprat dak li huwa maħsub li huwa l-ammont kollu tal-flus.

L-investigaturi issa qed jippruvaw jistabbilixxu għaliex kien qed jinġarr ammont daqshekk kbir ta' flus fuq rotta bejn Malta u Sqallija.

L-awtoritajiet għadhom ma eskludew l-ebda xenarju, fosthom il-ħasil tal-flus, pagamenti marbuta mat-traffikar tad-droga jew il-possibbiltà ta' flus foloz.

S'issa ma tressqu l-ebda akkużi, filwaqt li l-investigazzjoni għadha għaddejja.

More in Qrati u Pulizija