Is-seduta tal-bieraħ kienet iddominata minn Keith Schembri, li qatta' sigħat twal iwieġeb mistoqsijiet tal-Prosekuzzjoni dwar ir-relazzjoni tiegħu ma' Yorgen Fenech, il-kumpanija 17 Black, il-laqgħat li kienu jsiru f'Kastilja dwar l-investigazzjoni tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, kif ukoll allegazzjonijiet li għadda informazzjoni kunfidenzjali dwar l-investigazzjoni.
Matul ix-xhieda tiegħu, Schembri ċaħad li qatt għadda informazzjoni dwar rejds tal-pulizija jew żviluppi fl-investigazzjoni lil Fenech, filwaqt li sostna li 17 Black kienet biss elenkata bħala klijent potenzjali għall-kumpanija tiegħu Tillgate, u mhux parti minn xi ftehim kummerċjali.
Iżda l-akbar żvilupp wasal lejn tmiem il-ġurnata, meta l-Qorti ordnat konfront dirett bejn Schembri u Johann Cremona wara allegazzjonijiet li Cremona kien ġie avviċinat biex jixhed favur Fenech.
Waqt il-konfront, Cremona deher viżibilment emozzjonat, irrifjuta diversi drabi jwieġeb mistoqsijiet tal-Qorti u ġie mwissi li seta' jiġi arrestat jekk jibqa' ma jgħidx il-verità. Aktar tard qal li kien "ivvinta" dak li kien sostna qabel, iżda fl-aħħar tas-seduta jinfaqa' jibki, qal li għandu appuntament ma' psikjatra u ddikjara li "Minn Alla biss nibża'."
Il-konfront wassal ukoll għal battalja legali bejn il-Prosekuzzjoni u d-difiża, b'din tal-aħħar saħansitra thedded li titlob ix-xoljiment tal-ġurija, argument li aktar tard ġie miċħud mill-Qorti.
Illum, l-attenzjoni terġa' ddur fuq Keith Schembri, li mistenni jkompli bix-xhieda tiegħu hekk kif il-Prosekuzzjoni tkompli tgħaddih minn mistoqsijiet dwar il-każ li wassal għall-ġuri ta' Yorgen Fenech, akkużat li kien il-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.