Mara tinżamm arrestata wara allegat attakk b'sikkina fil-Gżira

L-imputata wieġbet mhux ħatja għal akkużi li jinkludu ġrieħi gravi u serqa bil-vjolenza, filwaqt li qajmet kommossjoni fl-awla wara li ġiet miċħuda l-ħelsien mill-arrest

Mara ta' 50 sena, li hija bla xogħol, inżammet arrestata wara li wieġbet mhux ħatja għal sensiela ta' akkużi marbuta ma' allegat attakk vjolenti u serqa fil-Gżira.

Il-prosekuzzjoni spjegat li għall-ħabta tal-1:50am tas-27 ta' Lulju, l-Għassa tal-Gżira rċeviet rapport mill-Control Room dwar ġlieda bejn żewġ nisa f'appartament fil-Gżira.

Pulizija mid-Distrett u membri tar-Rapid Intervention Unit (RIU) marru fuq il-post. Qabel waslu, iltaqgħu mal-imputata, li allegat li kienet ġiet aggredita minn mara wara li marret biex tagħti lura €50 li kienet isselfet. 

L-imputata sostniet ukoll li l-mara kienet attakkatha b'sikkina.

Madankollu, waqt tfittxija fuqha, il-pulizija allegatament sabet sikkina u ħadida tal-mogħdija fil-pussess tagħha.

Meta l-pulizija waslet fl-appartament, fetħitilhom il-vittma allegata, li kienet tidher li sofriet xi ġrieħi. Hija ttieħdet l-Isptar Mater Dei għall-kura.

L-imputata ġiet akkużata li kkaġunat ġrieħi gravi, wettqet serqa bil-vjolenza, hedddet u insultat lill-vittma, kisret il-paċi pubblika u li wettqet dawn ir-reati bħala reċidiva.

Waqt li kienet qed tagħti d-dettalji personali tagħha fil-Qorti, l-imputata bdiet tibki b'mod qawwi u tgħajjat ripetutament "It-tifel, it-tifel," qabel wieġbet mhux ħatja għall-akkużi.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat fuq il-bażi li l-imputata taf fejn tgħix il-vittma allegata u minħabba li hija meqjusa bħala reċidiva.

Il-Qorti laqgħet l-oġġezzjoni tal-prosekuzzjoni u ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Hekk kif kienet ħa toħroġ mill-awla, l-imputata bdiet tgħajjat lejn ir-rappreżentant tal-Avukat Ġenerali: "Għaliex qed tidħaq? M'għandekx tfal?"

Il-Maġistrat ordnalha tibqa' fl-awla u wissiha li seta' jimponilha multa għall-imġiba tagħha. Qabel ma ttieħdet dik id-deċiżjoni, l-imputata talbet skuża. Il-Maġistrat qalilha li l-apoloġija kellha ssir lir-rappreżentant tal-prosekuzzjoni u mhux lilu, u hija għamlet hekk qabel intemmu l-proċeduri.

More in Qrati u Pulizija