DIRETT | Il-Qorti tordna li Johann Cremona jinġieb immedjatament il-qorti għal konfront ma' Keith Schembri

Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni u ordnat li Johann Cremona jinġieb immedjatament fl-awla sabiex isir konfront dirett ma' Keith Schembri, wara allegazzjonijiet kunfliġġenti li ħarġu mix-xhieda tagħhom quddiem il-ġurija

🔴 DIRETT
17:35

Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni u ordnat li Johann Cremona jinġieb immedjatament fl-awla biex isir konfront dirett ma' Keith Schembri.

Id-deċiżjoni ttieħdet wara li l-Prosekuzzjoni talbet il-konfront fid-dawl tax-xhieda mogħtija miż-żewġ persuni.

Il-Qorti nnutat li Johann Cremona, meta xehed aktar kmieni fil-ġuri, kien ċaħad li qatt ġie offrut xi flus minn avukati tad-difiża tal-akkużat Yorgen Fenech.

Il-konfront dirett bejn iż-żewġ xhieda issa mistenni jsir fl-awla.

Jaelle Borg
17:03

Il-ġurati ħarġu mill-awla hekk kif il-Prosekuzzjoni talbet waqfa qasira fil-proċeduri.

Qabel ġiet sospiża s-seduta, l-avukati tal-Prosekuzzjoni talbu lill-Qorti biex isir konfront dirett bejn Keith Schembri u Johann Cremona, wara x-xhieda li ngħatat matul il-ġuri.

Id-difiża ma taqbilx.

Jaelle Borg
17:00

Il-Prosekuzzjoni tkompli tippreżenta WhatsApp chats bejn Keith Schembri u l-avukat tad-difiża Charles Mercieca, li qed jintwerew fuq l-iskrins tal-awla.

Mill-konverżazzjoni li qed tiġi eżaminata fil-Qorti jirriżulta li Schembri kien bagħat messaġġ lil Mercieca fejn qallu biex juża l-app Signal għall-komunikazzjoni.

Mistoqsi mill-Qorti jekk kellux il-kuntatt ta' Mercieca fil-mobile tiegħu, Schembri jwieġeb fl-affermattiv.

Huwa jispjega li kien għandu n-numru tiegħu minħabba missieru, Franco Mercieca, li dak iż-żmien kien jokkupa kariga fil-Parlament.

Intant, waqt li kienet se tintwera screenshot oħra lill-ġurati, inqala' problema teknika fil-monitor tal-awla. Għalhekk, l-espert Martin Bajada kellu jdawwar l-immaġni manwalment biex il-membri tal-ġurija jkunu jistgħu jarawha.

 

Jaelle Borg
16:54

Il-Prosekuzzjoni qed tirreferi lil Keith Schembri u lill-ġurati għal dokument li jinkludi konverżazzjoni fuq WhatsApp bejn Schembri u l-avukat tad-difiża Charles Mercieca.

Skont il-Prosekuzzjoni, il-konverżazzjoni hija datata 14 ta' Lulju 2020, u qed tiġi ppreżentata waqt il-kontinwazzjoni tax-xhieda ta' Schembri.

F'dan l-istadju, il-kontenut tal-konverżazzjoni għadu qed jiġi ppreżentat fil-Qorti.

 

Jaelle Borg
16:36

Meta l-Prosekuzzjoni staqsiet lil Keith Schembri min kienet il-persuna li huwa ddeskriva bħala "importanti ħafna", l-Imħallef ordnat li din il-parti tax-xhieda ma tistax tiġi rrappurtata mill-midja.

B'hekk, minħabba l-ordni tal-Qorti, ma jistgħux jiġu ppubblikati d-dettalji ta' dak li ntqal dwar din il-parti tax-xhieda.

Jaelle Borg
16:35

Il-Prosekuzzjoni terġa' ddur fuq Johann Cremona waqt il-kontinwazzjoni tax-xhieda ta' Keith Schembri.

Schembri jixhed li kien infurmat li Johann Cremona kien ġie offrut €200,000 u aktar tard €400,000 biex jixhed favur Yorgen Fenech.

Huwa jżid li, madwar jumejn qabel kien mistenni jixhed hu stess, irċieva telefonata mingħand persuna li ddeskriva bħala "importanti", li qalitlu li Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca riedu jiltaqgħu miegħu.

Schembri jgħid li mar għal dik il-laqgħa u, skont ix-xhieda tiegħu, qalulu:

"Għin lil Yorgen."

Huwa sostna li r-risposta tiegħu kienet:

"Kif nista' ngħinu aktar milli diġà għentu?"

Jaelle Borg
16:22

Il-Prosekuzzjoni tkompli tistaqsi lil Keith Schembri dwar ir-relazzjoni tiegħu ma' Yorgen Fenech.

Schembri jixhed li Fenech kien għeb għal perjodu minħabba problema ta' dipendenza, iżda jgħid li, minkejja li kienu ħbieb, ma kienx jaf b'dik is-sitwazzjoni dak iż-żmien.

Huwa jgħid li sar jaf b'dan biss aktar tard.

Jaelle Borg
16:21

Il-Prosekuzzjoni tkompli tistaqsi lil Keith Schembri dwar dak li kien jaf fuq Melvin Theuma u l-allegazzjonijiet ta' ħasil ta' flus kontrih.

F'dan il-kuntest, Schembri jgħid li, kieku kien sar jaf b'dawn l-allegazzjonijiet qabel, kien jaġixxi b'mod differenti.

"issa nħabbat fuq sidri, kieku sirt naf qabel kont mmur ngħid lill-Prim Ministru mal-ewwel. Kont nirriżenja qabel."

Schembri jagħmel din id-dikjarazzjoni waqt li kien qed jitkellem dwar l-akkużi ta' ħasil ta' flus li kienu jikkonċernaw lil Melvin Theuma.

Jaelle Borg
16:18

Il-Prosekuzzjoni tkompli tistaqsi lil Keith Schembri dwar dak li kien jaf fuq Melvin Theuma.

Schembri jgħid li kien sar jaf li Theuma kien "pastaż għall-flus" minħabba l-akkużi li kien qed jiffaċċja b'rabta ma' ħasil ta' flus.

Huwa jikkonferma wkoll li Theuma kellu ħafna flus.

Skont Schembri, l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kien spiss jgħidlu:

"Dan festa għandi fuqu fuq money laundering."

Jaelle Borg
16:13

Il-proċeduri jerġgħu jinfetħu għall-pubbliku wara s-seduta bil-bibien magħluqa.

Meta tkompli x-xhieda tiegħu, Keith Schembri jgħid li sar jaf li Melvin Theuma kien jaħdem bħala xufier tat-taxis għal Yorgen Fenech biss wara l-arrest ta' Fenech.

Il-Prosekuzzjoni tkompli tagħfas lil Schembri dwar din id-dikjarazzjoni u tikkonfrontah b'xhieda preċedenti.

Bi tweġiba, Schembri jgħid:

"Illum, fl-2026, tant għaddew affarijiet f'ħajti li ma niftakarx."

Jaelle Borg
16:04

F'dan l-istadju tal-proċeduri, ix-xhieda ta' Keith Schembri qed tinstema' bil-bibien magħluqa wara deċiżjoni tal-Qorti.

Minħabba restrizzjonijiet fuq ir-rappurtar, il-midja ma tistax tippubblika dak li jingħad matul din il-parti tas-seduta.

Aġġornamenti jerġgħu jingħataw hekk kif il-proċeduri jerġgħu jinfetħu għall-pubbliku.

Jaelle Borg
16:03

Il-Prosekutur Godwin Cini jkompli jistaqsi lil Keith Schembri dwar Johann Cremona.

Mistoqsi x'iktar jaf dwaru, Schembri jwieġeb li kien jaħdem fil-lotto booths.

Ftit wara, Schembri jitlob lill-Qorti sabiex parti mix-xhieda tiegħu tinstema' bil-bibien magħluqa.

Huwa jispjega li dak li se jgħid huwa bbażat fuq informazzjoni li kienet tingħatalu mis-Servizz tas-Sigurtà ta' Malta (MSS), mill-Kummissarju tal-Pulizija u mill-Avukat Ġenerali matul l-investigazzjoni.

"Kienu jżommuna aġġornati b'dak li kien qed jiġri. Ma nħossnix komdu nitkellem dwar dak li qalulna l-MSS quddiem kulħadd. Nitkellem jekk il-midja ma tkunx preżenti."

Il-Prosekuzzjoni titlob formalment biex din il-parti tal-proċeduri tinstema' in camera, jiġifieri bil-bibien magħluqa.

Id-difiża ma toġġezzjonax għat-talba, u l-Qorti tilqagħha.

Jaelle Borg
16:02

Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lil Keith Schembri jekk fl-2018 kienx talab lil Kenneth Camilleri iwettaq xi kompitu f'ismu.

Schembri jwieġeb li Camilleri kien wieħed mill-uffiċjali tas-sigurtà tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, iżda jiċħad li qatt tah xi istruzzjonijiet.

"Kont inkun magħluq fl-uffiċċju tiegħi u bilkemm kont narah. U meta kont narah, kont nibqa' miexi,"jgħid Schembri.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad tissuġġerixxi li, fl-2018, Schembri kien qal lil Camilleri li Johann Cremona kien se jiġbru bil-karozza biex jeħdu jiltaqa' ma' persuna oħra.

Schembri jiċħad ukoll din l-allegazzjoni.

"Lanqas in-numru tat-telefon ta' Johann Cremona ma kelli."

Mistoqsi x'kien jaf dwar Johann Cremona u jekk kienx jaf bih fl-2018, Schembri jgħid li kien jaf bih bħala s-sieħeb fin-negozju ta' Yorgen Fenech.

Huwa jżid li Johann Cremona kien magħruf minn xi nies bil-laqmijiet "ix-Xlukkajr" u "is-Siġar".

Jaelle Borg
15:43

Il-Prosekuzzjoni tkompli tikkonfronta lil Keith Schembri b'messaġġi li nstabu fil-famuża ice cream box ta' Melvin Theuma.

Il-Prosekutur Godwin Cini jaqra messaġġ allegatament mibgħut minn Yorgen Fenech lil Theuma, li jgħid:

"Ftit ftit. Żomm kalm. Informaw lil Maksar li hu diġà qal li l-bomba ġiet immuntata fil-garaxx ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Mistoqsi jekk jafx x'wassal lil Fenech biex jibgħat dak il-messaġġ, Schembri jwieġeb:

"Le."

Il-Prosekuzzjoni mbagħad tistaqsih dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-akkużat.

Schembri jikkonferma li darba kien qal li kien "jidħol fin-nar" għal Yorgen Fenech, filwaqt li jkompli jwieġeb mistoqsijiet dwar il-ħbiberija tagħhom.

Jaelle Borg
15:29

Wara l-waqfa ta' nofsinhar, il-proċeduri fil-ġuri ta' Yorgen Fenech mistennija jerġgħu jibdew fil-ħin li ġej.

L-attenzjoni tibqa' ffukata fuq Keith Schembri, li mistenni jkompli bix-xhieda tiegħu quddiem il-ġurati.

Jaelle Borg
13:33

L-Imħallef Edwina Grima tissospendi s-seduta għall-waqfa ta' nofsinhar.

Il-proċeduri fil-ġuri ta' Yorgen Fenech jerġgħu jibdew fit-3pm, meta tkompli x-xhieda ta' Keith Schembri.

Jaelle Borg
13:31

Il-proċeduri jieqfu għal darb'oħra hekk kif l-avukat tad-difiża Charles Mercieca joġġezzjona għall-mod kif il-Prosekutur Godwin Cini qed jinterroga lil Keith Schembri.

Mercieca jargumenta li l-Prosekuzzjoni qed tagħmel mistoqsijiet li jippreżumu fatti li għadhom ma ġewx ippruvati jew li għadhom qed jiġu kkontestati.

Skont id-difiża, huma l-ġurati biss li għandhom jiddeċiedu jekk dawn il-fatti jkunux ġew ippruvati jew le meta jaslu għad-deliberazzjonijiet tagħhom.

Mercieca jgħid li mistoqsijiet li jassumu fatti mhux stabbiliti ma jfittxux li joħorġu evidenza ġdida, iżda jistgħu jinfluwenzaw lill-ġurati.

Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni twieġeb li matul il-kontro-eżami tal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, id-difiża kienet ukoll ikkonfrontat lix-xhud b'rapport li dak iż-żmien kien għadu ma ġiex ippreżentat formalment fil-Qorti.

Il-Prosekutur Godwin Cini jsostni li l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-partijiet għandu japplika bl-istess mod kemm għall-Prosekuzzjoni kif ukoll għad-difiża.

Wara li semgħet l-argumenti taż-żewġ naħat, l-Imħallef Edwina Grima tiddeċiedi li l-Prosekuzzjoni għandha tevita mistoqsijiet suġġestivi.

L-Imħallef tgħid ukoll li fatti ma għandhomx jiġu ppreżentati lix-xhud bħallikieku diġà ġew stabbiliti, sakemm il-Qorti ma tkunx tat permess espliċitu biex isir dan.

Jaelle Borg
13:20

Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lil Keith Schembri jekk qattx sema' r-recordings ta' Melvin Theuma.

Schembri jwieġeb li kien semagħhom biss permezz tal-midja.

Huwa jikkonferma wkoll li kien infurmat li Vince Muscat, magħruf bħala "il-Koħħu", kien lest jitkellem mal-pulizija.

"Jien ma kontx involut f'dak. Keith Arnaud u l-Prim Ministru qaluli li 'l-Koħħu' kien lest jitkellem. Kienu tal-fehma li ma kienx hemm lok għal maħfra presidenzjali għax dak li kellu kien ibbażat fuq kliem li sema' mingħand oħrajn," jixhed Schembri.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad tistaqsih kif George u Alfred Degiorgio saru jafu daqshekk malajr li Vince Muscat kien qed jikkollabora mal-pulizija.

Schembri jwieġeb li ma jafx.

Mistoqsi wkoll għaliex Yorgen Fenech kien interessat li jkun jaf li Vince Muscat kien qed jitkellem mal-pulizija, Schembri jwieġeb:

"M'għandi l-ebda idea."

F'dan il-punt, l-Imħallef Edwina Grima tinnota li Fenech kien ħabib ta' Schembri.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad tirreferi għal messaġġ li Yorgen Fenech kien bagħat lil Melvin Theuma, u li nstab fil-famuża ice-cream box.

Skont il-Prosekutur, il-messaġġ kien juri li Fenech kien ordna lil Theuma jgħaddi messaġġ lil Mario Degiorgio biex jinforma lill-aħwa Degiorgio fil-ħabs li Vince Muscat kien qed jikkollabora mal-pulizija.

Cini jipprova jistaqsi lil Schembri għaliex Fenech kien interessat iwassal dik l-informazzjoni u jekk kienx qed jipprova jinterferixxi mal-investigazzjoni.

Madankollu, id-difiża toġġezzjona, u l-Imħallef twaqqaf dik il-linja ta' mistoqsijiet.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad tgħaddi għal mistoqsija oħra, u tistaqsi lil Schembri kif Yorgen Fenech kien sar jaf li l-pulizija kienu qed jinvestigaw lill-aħwa Maksar.

Jaelle Borg
13:09

Il-Prosekuzzjoni tkompli tistaqsi lil Keith Schembri dwar il-laqgħat li kienu jsiru f'Kastilja matul l-investigazzjoni tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Schembri jikkonferma li f'dawn il-laqgħat kienet ġiet diskussa d-data tal-operazzjoni li wasslet għall-arrest ta' George u Alfred Degiorgio.

Madankollu, meta mistoqsi jekk qattx għadda din l-informazzjoni lil xi ħadd, huwa jwieġeb b'mod kategoriku:

"Le, qatt."

Schembri jsostni wkoll li MaltaToday kienet irrapportat dwar ir-rejd fil-potato shed qabel ma seħħ, filwaqt li jsemmi lill-Managing Director tal-kumpanija, Saviour Balzan, bħala l-persuna li allegatament ippubblikat l-informazzjoni lejlet l-operazzjoni.

Huwa jżid li kien sema' waqt waħda mil-laqgħat f'Kastilja li Vince Muscat kien qed jagħti informazzjoni lill-pulizija.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad tirreferi għax-xhieda ta' George u Alfred Degiorgio, li sostnew li Melvin Theuma kien infurmahom minn qabel bid-data tal-arrest tagħhom.

Mistoqsi kif Theuma seta' kien jaf din l-informazzjoni, Schembri jwieġeb li ma jafx.

Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsih ukoll jekk qattx informa lil Yorgen Fenech bid-data tar-rejd fil-potato shed.

Schembri jiċħad dan b'mod ċar.

"Żgur li le."

 

Jaelle Borg
12:53

Il-Prosekuzzjoni tistaqsi lil Keith Schembri dwar il-laqgħat li kienu jsiru f'Kastilja wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Schembri jixhed li l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra kienu jmexxu l-investigazzjoni dwar il-qtil.

Huwa jgħid li, bħala Chief of Staff, kien jikkoordina l-laqgħat li kienu jinvolvu lill-Avukat Ġenerali, lill-investigaturi, lill-Kmandant tal-Forzi Armati u uffiċjali oħra.

Skont Schembri, Keith Arnaud kien jitlob li jsiru dawn il-laqgħat, filwaqt li xi drabi kien ikun il-Prim Ministru Joseph Muscat li jitlob aġġornament dwar il-progress tal-investigazzjoni.

Schembri jgħid li l-laqgħat kienu jsiru f'Kastilja, iżda jinsisti li kien jattendi biss għall-ewwel ftit minuti biex jara li kollox kien miexi sew, qabel jitlaq.

Huwa jsemmi fost dawk li kienu jattendu lil Silvio Valletta, Keith Arnaud, Kurt Zahra, l-eks Ministru Owen Bonnici, il-Kap tas-Servizz tas-Sigurtà, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.

Jaelle Borg
12:49

Il-Prosekuzzjoni tistaqsi lil Keith Schembri dwar kumpaniji offshore oħra li kienu ġew żvelati matul dak il-perjodu, fosthom HearnvilleMacbridge u Egrant.

Schembri jgħid li jagħraf l-ismijiet ta' Hearnville u Macbridge, iżda ma jagħtix aktar dettalji dwarhom.

Meta mistoqsi dwar Egrant, Schembri jagħti risposta aktar qawwija.

"Egrant kien kolp ta' stat kontra l-Prim Ministru."

 

Jaelle Borg
12:47

Il-proċeduri jieqfu għal ftit minuti hekk kif Keith Schembri u l-ġurati jintalbu joħorġu mill-awla waqt li l-avukati jiddiskutu mal-Qorti dwar il-limiti tal-mistoqsijiet li jistgħu jsiru lix-xhud.

Wara d-diskussjoni, Schembri u l-ġurati jerġgħu jidħlu fl-awla u l-interrogazzjoni tkompli.

Il-Prosekuzzjoni tikkonfronta lil Schembri b'artiklu ppubblikat minn The Times of Malta, li kien żvela allegata rabta finanzjarja bejn il-kumpanija 17 Black ta' Yorgen Fenech u l-kumpaniji ta' Keith Schembri u tal-eks ministru Konrad Mizzi.

Schembri jiċħad l-allegazzjoni u jgħid li mhijiex vera.

Jaelle Borg
12:28

Il-Prosekuzzjoni tkompli tistaqsi lil Keith Schembri dwar Tillgate Inc, il-kumpanija tiegħu rreġistrata fil-Panama.

Schembri jikkonferma li Tillgate kienet tiegħu, u jispjega li meta fetaħ trust fi New Zealand, kien ġie infurmat li kellu bżonn kumpanija fil-Panama biex isiru trasferimenti ta' fondi.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad tirreferi għal 17 Black, li kienet identifikata bħala wieħed mill-klijenti potenzjali ta' Tillgate, u tistaqsih jekk qattx iddiskuta din il-kumpanija ma' Yorgen Fenech.

Schembri jwieġeb li le, filwaqt li jgħid li l-konversazzjonijiet tagħhom kienu jiffukaw fuq opportunitajiet ta' negozju li setgħu jesploraw fil-futur wara li hu jitlaq mill-politika, fosthom fil-qasam tar-riċiklaġġ.

Mistoqsi x'kien il-pjan relatat ma' 17 Black għal wara li jitlaq mill-politika, Schembri jwieġeb:

"Ma kellna l-ebda arranġament."

Il-Prosekuzzjoni tistaqsih ukoll jekk, fiż-żmien meta Daphne Caruana Galizia kitbet dwar 17 Black, kellux xi konnessjoni ma' dik il-kumpanija.

Schembri jwieġeb li ma kellu l-ebda rabta ma' 17 Black, ħlief li kienet elenkata bħala klijent potenzjali ta' Tillgate.

Jaelle Borg
12:11

Il-Prosekuzzjoni ddur fuq il-kitbiet ta' Daphne Caruana Galizia dwar 17 Black u tistaqsi lil Keith Schembri dwar il-pjani tiegħu dak iż-żmien.

Schembri jgħid li qatt ma kellu l-ħsieb jibqa' fil-politika għal dejjem, u li kien qed jippjana li jerġa' jidħol fid-dinja tan-negozju wara li jintemm l-irwol tiegħu fil-Gvern.

Huwa jispjega li kien fetaħ trust fil-Bank of Valletta, fejn kien poġġa l-assi tiegħu kollha.

Skont Schembri, aktar tard sar jaf li l-Partit Nazzjonalista kien jaf bl-eżistenza ta' dak it-trust, u għalhekk kiteb liċ-chairman tal-Bank of Valletta, li qallu li ma setax jiggarantixxi li ma kienx hemm tnixxijiet ta' informazzjoni.

Schembri jgħid li wara dan iddeċieda li jiftaħ trust fi New Zealand, filwaqt li jżid li kellu wkoll diversi kumpaniji barranin.

Il-Prosekuzzjoni tistaqsih ukoll jekk kienx qatt iddiskuta ma' Yorgen Fenech il-kitba ta' Daphne Caruana Galizia dwar 17 Black.

Schembri jwieġeb b'mod kategoriku:

"Żgur li le. Għaliex kelli nagħmel hekk?"

Jaelle Borg
11:59

Schembri jirreferi wkoll għall-kitbiet dwar il-Panama Papers, fejn jgħid li Caruana Galizia kienet kitbet li kellu flus maqbuda.

Huwa jgħid li kien ingħata parir biex iżomm kopja ta' dak kollu li kienet tikteb fuqu.

Mistoqsi min tah dan il-parir, Schembri jwieġeb li kienu Kurt Farrugia u Matthew Carbone.

Dwar kif kien iħossu meta kienu jiġu ppubblikati dawn il-kitbiet, Schembri jgħid li kien jirrabja fl-ewwel ġimgħa, iżda mbagħad ir-rabja kienet tonqos.

"Kont nitkellem dwarhom ma' Joseph Muscat, Mark Farrugia u mat-tfal tiegħi."

Il-Prosekuzzjoni tistaqsih ukoll jekk kienx jiddiskuti l-kitbiet ta' Daphne Caruana Galizia ma' Yorgen Fenech.

Schembri jwieġeb fl-affermattiv u jgħid li, meta kien fl-Istati Uniti għall-kura, Fenech kien bagħatlu messaġġ u qallu:

"Ara x'kitbet dwarek."

 

Jaelle Borg
11:58

Il-Prosekuzzjoni tistaqsi lil Keith Schembri dwar il-kitbiet ta' Daphne Caruana Galizia li kienu jirreferu għalih.

Schembri jgħid li l-ġurnalista kienet kitbet dwar il-kura tiegħu fl-Istati Uniti għall-kanċer, u saħansitra allegat li ma kienx fadallu ħafna żmien x'jgħix.

"Il-ġenituri tiegħi u t-tfal tiegħi ħadu xokk," jgħid Schembri.

Huwa jżid li ma kienx jieħu pjaċir b'dak li kienet tikteb fuqu, u jsemmi wkoll rapporti dwar il-familja tiegħu.

"Kienet tikteb meta konna nsiefru u tgħid li konna nħallu lit-tfal waħedhom id-dar."

Jaelle Borg
11:54

Il-Prosekuzzjoni terġa' ddur fuq il-laqgħa ma' Melvin Theuma fir-ranch ta' Yorgen Fenech.

Schembri jixhed li kien hemm persuna li resqet lejh, ippuntat lejn Theuma u qaltlu: "Dak hu Melvin Theuma."

Il-Prosekuzzjoni mbagħad tmexxi x-xhieda għall-ġurnata tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, fis-16 ta' Ottubru 2017.

Schembri jgħid li dak il-ħin kien fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru flimkien ma' Joseph Muscat u l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern, Kurt Farrugia, meta waslet l-aħbar tal-qtil.

"Bqajt ixxukkjat," jgħid Schembri.

Huwa jżid li Joseph Muscat dar fuqu u qallu: "Irridu naqbdu lil min għamel dan."

Schembri jixhed ukoll li, wara dan, ikkuntattja lill-Ambaxxatur tal-Istati Uniti, filwaqt li jgħid li mill-ewwel intalbet ukoll l-assistenza tal-Europol fl-investigazzj

 

Jaelle Borg
11:53

Il-Prosekuzzjoni tirreferi għal xhieda preċedenti ta' Keith Schembri, fejn kien qal li Yorgen Fenech kien jilqa' fir-ranch tiegħu diversi negozjanti u politiċi.

Mistoqsi min kienu dawn il-persuni, Schembri jwieġeb li ma jiftakarx.

Il-Prosekutur Godwin Cini mbagħad ifakkru li kien xehed ukoll li kien ra uffiċjali tal-pulizija fir-ranch, fosthom lil Silvio Valletta.

Schembri jikkonferma dan, u jgħid:

"Iva, niftakar li rajt lil Silvio Valletta."

Meta mistoqsi jekk kienx ra xi membri tal-midja fir-ranch, Schembri jwieġeb li ma jiftakarx, u jgħid li jiftakar biss li kien hemm "nies normali."

Huwa jżid li, sa fejn jiftakar, żar ir-ranch ta' Yorgen Fenech bejn ħames u għaxar darbiet.

Jaelle Borg
11:52

Il-Prosekuzzjoni tkompli tistaqsi lil Keith Schembri dwar il-laqgħat tiegħu ma' Melvin Theuma.

Schembri jgħid li, sa fejn jiftakar, iltaqa' ma' Theuma darbtejn – darba fl-uffiċċju tiegħu u darba fir-ranch ta' Yorgen Fenech.

Huwa jsostni li dak iż-żmien ma kienx jaf min kien Theuma u għalhekk m'għarfux  meta rah fir-ranch.

Meta l-Prosekutur Godwin Cini jistaqsih kif jaf li Theuma kien fir-ranch jekk m'għarfux, Schembri jwieġeb li wara qalulu li kien hemm, iżda jgħid li ma jiftakarx min kien qallu.

Mistoqsi min kien preżenti fir-ranch dak inhar, Schembri jgħid li ma jiftakarx, u lanqas kemm-il darba mar hemm.

Huwa jixhed li beda jżur ir-ranch qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017 u kompla jmur ukoll wara.

Mistoqsi direttament jekk kompliex iżur ir-ranch wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, Schembri jwieġeb:

"Iva, mort anke wara l-qtil."

Jaelle Borg
11:49

Il-Prosekuzzjoni tgħid lil Keith Schembri li Melvin Theuma sostna fix-xhieda tiegħu li l-ewwel darba li ltaqa' ma' Schembri kienet fir-ranch ta' Yorgen Fenech.

Schembri jwieġeb:

"Jekk kien hemm, ma għaraftux."

Il-Prosekutur Godwin Cini imbagħad jistaqsih x'kien qallu Theuma meta aktar tard iltaqgħu fl-uffiċċju tiegħu.

Schembri jwieġeb li Theuma qallu li kien qed ifittex impjieg, u li hu wieġbu li kien se jgħaqqdu mal-persuna li setgħet tgħinu.

Meta mistoqsi jekk Theuma kienx qallu li kien jaħdem bħala xufier tat-taxis, Schembri jwieġeb fin-negattiv.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad tfakkar lil Schembri li, meta kien xehed quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, kien qal li kien diġà sema' b'Melvin Theuma, peress li kien jaf li xi kultant kien iservi bħala xufier ta' Yorgen Fenech.

Jaelle Borg
11:34

Il-Prosekuzzjoni ddur fuq ir-ritratt magħruf li juri lil Keith Schembri flimkien ma' Melvin Theuma.

Schembri jixhed li r-ritratt ittieħed fil-perjodu ta' qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017.

Huwa jgħid li Theuma mar fl-uffiċċju tiegħu u talbu jieħu ritratt, filwaqt li sostna li dak iż-żmien ma kienx jaf min kien.

"Dak iż-żmien kont nara ħafna nies" filwaqt li żied jgħid li offrielu kikkra kafè u qal li Theum kien talbu jieħdu ritratt quddiem ir-ritratt tal-Prim Ministru. Schembri jżid li hu kien sejjaħt lil Sandro Craus biex jieħu r-ritratt.

Schembri jispjega li persuni li xtaqu jiltaqgħu miegħu kienu jċemplu lis-servizz tal-customer care tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jibbukkjaw appuntament.

Mistoqsi jekk kienx jaf minn qabel li Melvin Theuma kien se jmur jiltaqa' miegħu, Schembri jwieġeb fin-negattiv.

Il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsih ukoll jekk Yorgen Fenech kienx qallu li Theuma kien se jmur l-OPM.

Schembri jwieġeb li ma jiftakarx, u jżid li l-memorja tiegħu ġiet affettwata mill-kanċer.

 

Jaelle Borg
11:26

Il-Prosekuzzjoni tkompli tistaqsi lil Keith Schembri dwar ir-relazzjoni tiegħu ma' Yorgen Fenech bejn l-2013 u l-2017.

Schembri jiddeskrivi lil Fenech bħala "wieħed mill-aqwa negozjanti ta' dak iż-żmien."

Huwa jgħid li l-komunikazzjoni bejniethom kienet normali, kif kien jagħmel ma' persuni oħra, u li ġieli kienu jikkomunikaw permezz ta' Signal u WhatsApp.

Mistoqsi x'kien is-suġġett tal-konversazzjonijiet tagħhom, Schembri jgħid li kienu jitkellmu dwar negozju u l-familja.

Dwar kemm kienu jżommu kuntatt, huwa jwieġeb li xi drabi kienu jitkellmu darba fil-ġimgħa, filwaqt li drabi oħra kienu jgħaddu perjodi mingħajr ma jisimgħu b'xulxin.

Schembri jikkonferma wkoll li kienu jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ, fosthom f'Kastilja, fejn Fenech kien imur jiltaqa' miegħu b'rabta mal-proġett tal-Electrogas.

Huwa jgħid li dawn il-laqgħat bdew madwar l-2015, u li Fenech żaru d-dar madwar darbtejn, filwaqt li hu stess żar lil Fenech madwar tliet darbiet.

Mistoqsi x'kienu jiddiskutu waqt dawn il-laqgħat informali, Schembri jwieġeb li ġieli kienu jitkellmu dwar il-whisky.

Huwa jikkonferma wkoll li żar ir-ranch u d-dgħajsa ta' Yorgen Fenech.

Jaelle Borg
11:23

Qabel tibda l-interrogazzjoni, il-Prosekutur Godwin Cini ifakkar lil Keith Schembri li, peress li qed jiffaċċja proċeduri kriminali oħra relatati ma' allegat tixrid ta' informazzjoni kunfidenzjali, il-każ tal-impjieg mogħti lil Melvin Theuma, kif ukoll il-każ marbut ma' 17 Blackgħandu d-dritt ma jweġibx mistoqsijiet li jistgħu jinkriminawh.

Mistoqsi dwar il-kariga tiegħu, Schembri jispjega li serva bħala Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru mill-2013.

Huwa jgħid li r-rwol tiegħu kien li jara li l-miżuri fil-manifest elettorali jitwettqu fiż-żmien stabbilit, filwaqt li kien involut ukoll f'oqsma oħra relatati mal-politika tal-Gvern u mal-investiment.

Mistoqsi ma' min kienet il-komunikazzjoni prinċipali tiegħu fil-kariga, Schembri jwieġeb li kien jaħdem direttament mal-Prim Ministru.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad iddur fuq ir-relazzjoni tiegħu ma' Yorgen Fenech.

Schembri jgħid li ilu jaf lil Fenech minn meta kellhom madwar 14-il sena, u jispjega li ltaqgħu għall-ewwel darba fil-bar Exiles.

Mistoqsi kemm kienu qrib, Schembri jwieġeb li kien aktar qrib ħu Yorgen milli kien ta' Yorgen innifsu.

 

Jaelle Borg
11:08

Qabel tibda x-xhieda tiegħu, l-Imħallef Edwina Grima tfakkar lil Keith Schembri fid-deċiżjoni li ttieħdet aktar kmieni fis-seduta, u tordnalu biex ma jagħmel l-ebda referenza għat-talba għall-maħfra presidenzjali ta' Yorgen Fenech.

L-Imħallef tfakkru wkoll li għandu d-dritt ma jweġibx mistoqsijiet li jistgħu jinkriminawh.

Madankollu, qabel ma tibda l-interrogazzjoni, Schembri jwieġeb minn jeddu:

"Se nixhed fuq kollox."

Jaelle Borg
11:07

Il-proċeduri jerġgħu jibdew wara l-waqfa ta' filgħodu.

L-eks Chief of Staff Keith Schembri jidħol fl-Awla 22 u jitla' fil-pedana tax-xhieda biex jagħti x-xhieda tiegħu quddiem il-ġurati.

Ix-xhieda ta' Schembri hija meqjusa bħala waħda mill-aktar mistennija minn mindu beda l-ġuri, hekk kif ismu ssemma bosta drabi matul il-proċeduri u minn diversi xhieda.

 

Jaelle Borg
10:37

 L-Imħallef Edwina Grima tissospendi s-seduta għal waqfa qasira.

Il-proċeduri huma mistennija jerġgħu jibdew fil-11am, meta l-Qorti tkompli tisma' x-xhieda fil-ġuri.

Jaelle Borg
10:36

Il-Qorti tisma' x-xhieda ta' Daniel Fernandez, espert ieħor tal-forensika diġitali tal-Europol.

Fernandez jispjega li kien involut fl-analiżi tad-data estratta minn apparat elettroniku bħala parti mill-investigazzjoni dwar Melvin Theuma.

Matul ix-xhieda tiegħu, il-Prosekuzzjoni turih ir-rapporti u l-listi tal-evidenza li ħejja.

Ix-xhud jikkonferma li r-rapporti u d-dokumentazzjoni ppreżentati ġew ippreparati min

Jaelle Borg
10:24

Il-Prosekuzzjoni tirreferi lill-esperta tal-Europol Margherita Luca għal wieħed mir-rapporti tagħha relatati ma' recordings tal-vuċi li nstabu fuq wieħed mill-apparati elevati.

Luca tispjega li l-Pulizija talbitha tivverifika d-data u l-ħin (timestamps) marbuta ma' dawn ir-recordings.

Sabiex twettaq din il-verifika, hija tgħid li akkwistat apparat ġdid tal-istess marka u mudell eżatt bħal dak li minnu oriġinaw ir-recordings.

L-esperta tispjega li wettqet diversi testijiet biex tara kif l-apparat jiġġenera u jaħżen recordings tal-vuċi.

Mill-analiżi tagħha rriżulta li t-timestamps murija fuq il-fajls huma dawk li jiġġenera l-apparat innifsu.

Madankollu, Luca tenfasizza li dan ma jfissirx li tista' tikkonferma li r-recordings inħolqu effettivament fid-data u l-ħin reali li jidhru fuqhom.

Jaelle Borg
09:58

Il-Qorti tisma' x-xhieda tal-esperta tal-forensika diġitali tal-EuropolMargherita Luca.

Luca tispjega li kienet inkarigata bl-estrazzjoni forensika tad-data minn apparat elettroniku elevat bħala parti mill-investigazzjoni dwar ħasil ta' flus li kienet tinvolvi lill-middleman Melvin Theuma.

Hija tgħid li wettqet l-estrazzjoni tad-data minn apparat li kien jappartjeni lil Melvin Theuma kif ukoll lil membri tal-familja tiegħu.

Matul ix-xhieda, il-Prosekuzzjoni turiha r-rapporti li ħejjiet, u Luca tikkonferma li dawn ġew ippreparati minnha.

Jaelle Borg
09:46

L-espert tal-IT Martin Bajada jagħti l-konklużjoni tiegħu dwar is-screenshot ippreżentat minn Johann Cremona.

Bajada jgħid li l-komunikazzjonijiet li jidhru fis-screenshot ma nstabux fil-call profiles ta' Keith Schembri jew ta' Johann Cremona.

"Ma nistax ngħid jekk qatt kinux jeżistu. Kull ma nista' ngħid hu li jien ma sibthomx," jixhed Bajada quddiem il-Qorti.

Ix-xhud iżomm li l-analiżi tiegħu ma kkonfermatx il-preżenza ta' dawk is-sejħiet jew komunikazzjonijiet fid-data li eżamina.

Jaelle Borg
09:45

L-espert tal-IT Martin Bajada jixhed dwar screenshot li Johann Cremona kien ippreżenta waqt ix-xhieda tiegħu fil-Qorti, u li allegatament kien juri komunikazzjoni bejn Keith Schembri u l-avukati ta' Yorgen Fenech qabel ix-xhieda tiegħu fil-kumpilazzjoni.

Ix-xhud jispjega li s-screenshot kien juri messaġġi fuq WhatsApp kif ukoll indikazzjonijiet ta' telefonati bejn il-partijiet.

Madankollu, Bajada jgħid li ma setax jikkorrobora dak li deher fis-screenshot mal-profili tat-telefon li analizza ta' Keith Schembri u Johann Cremona.

Huwa jżid li, jekk il-konverżazzjoni kienet tħassret, huwa possibbli li din ma tkunx tista' tiġi rkuprata.

Aktar tard, il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lix-xhud jekk kienx sab komunikazzjoni bejn Keith Schembri u l-avukat Charles Mercieca.

Bajada jwieġeb li ma kienx ingħata istruzzjonijiet biex jagħmel dik il-verifika.

F'dak il-mument, l-avukat Charles Mercieca jirreaġixxi b'mod irrabjat fl-awla, b'Cini jikkummenta li r-reazzjoni tiegħu kienet ċara wkoll meta Johann Cremona kien ippreżenta s-screenshot waqt ix-xhieda tiegħu.

Jaelle Borg
09:29

Wara li ġew deċiżi l-kwistjonijiet proċedurali, il-Prosekuzzjoni ssejjaħ fuq il-pedana tax-xhieda lill-espert tal-IT Martin Bajada.

Bajada huwa l-ewwel xhud li jixhed matul is-seduta tal-lum, hekk kif il-Prosekuzzjoni tkompli tippreżenta l-evidenza quddiem il-ġurati.

Jaelle Borg
09:27

L-Imħallef Edwina Grima tilqa' t-talba tad-difiża u tiddeċiedi li l-ebda xhud ma jista' jagħmel referenza għat-talba għall-maħfra presidenzjali li kien ressaq Yorgen Fenech.

Hija tagħti wkoll istruzzjonijiet lill-Prosekuzzjoni biex tevita kwalunkwe mistoqsija li tista' twassal għal referenza dwar din it-talba waqt ix-xhieda.

B'hekk, il-ġurija mhux se tisma' evidenza relatata mat-talba għall-maħfra matul dawn il-proċeduri.

Jaelle Borg
09:26

Qabel jidħlu fl-awla Keith Schembri u l-ġurati, il-Qorti tibda tindirizza diversi kwistjonijiet legali.

Id-difiża ta' Yorgen Fenech titlob lill-Qorti biex tagħti struzzjonijiet lil Keith Schembri sabiex ma jagħmel l-ebda referenza għat-talba għall-maħfra presidenzjali li Fenech kien ressaq wara l-arrest tiegħu.

L-avukati tad-difiża jmorru pass lil hinn u jgħidu li, jekk il-Qorti tipprojbixxi kull referenza għal din it-talba iżda Schembri xorta jsemmiha waqt ix-xhieda tiegħu, huma se jitolbu li l-ġurija tiġi xolta.

Il-Prosekuzzjoni topponi din it-talba, filwaqt li ssostni li t-talba għall-maħfra kienet fatt li seħħ u ma tara l-ebda raġuni għaliex ix-xhud ma għandux ikun jista' jirreferi għaliha waqt ix-xhieda tiegħu

 

Jaelle Borg
09:17

Minhu Keith Schembri? 

Keith Schembri serva bħala Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat bejn l-2013 u l-2019. 

Ismu ilu jissemma matul is-snin f'diversi investigazzjonijiet u kontroversji, fosthom il-Panama Papers, fejn kien żvelat li kellu kumpanija sigrieta fil-Panama, Tilgate Inc.

Fil-kuntest tal-ġuri dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, Keith Schembri mhuwiex akkużat. Madankollu, ismu ġie ripetutament imsemmi minn diversi xhieda matul l-investigazzjonijiet u fil-proċeduri tal-Qorti.

L-allegat middleman Melvin Theuma kien xehed li Yorgen Fenech kien qallu li Schembri kien qed iżommu aġġornat dwar l-investigazzjoni. Min-naħa tiegħu, Yorgen Fenech kien allega li Schembri għaddielu informazzjoni sensittiva dwar il-progress tal-investigazzjoni u saħansitra wissieh li seta' jiġi arrestat. Schembri dejjem ċaħad dawn l-allegazzjonijiet.

Fix-xhieda li nstemgħet matul il-ġuri fl-aħħar jiem, diversi xhieda rreferew ukoll għal Schembri. Kenneth Camilleri qal li wara laqgħa ma' Melvin Theuma pprova jikkuntattjah kemm-il darba u sostna li meta eventwalment iltaqa' mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, dan qallu: "L-aħjar ma nkunx naf."

Matul il-ġuri, il-Qorti rat ukoll filmati u ritratti tat-tfittxija li kienet saret fl-uffiċċju ta' Schembri f'Kastilja u fir-residenza tiegħu fil-Mellieħa. Uffiċjali tal-forensika xehdu li waqt it-tfittxija elevaw biss l-apparat elettroniku li kien indikalhom Keith Schembri, filwaqt li ġie ppreżentat ukoll dokument li kien fih referenzi għal "DCG" u "arrests", kif ukoll fajl blu b'artikli stampati mill-blog ta' Daphne Caruana Galizia.

Illum, Schembri mistenni jagħti x-xhieda tiegħu quddiem il-ġurati, f'waħda mis-seduti l-aktar mistennija minn mindu beda dan il-ġuri.

Jaelle Borg
09:09

L-għodwa t-tajba u merħba għal jum 24 tal-ġuri ta' Yorgen Fenech dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Is-seduta tal-lum mistennija tkun waħda mill-aktar segwiti s'issa, hekk kif l-eks Chief of Staff Keith Schembri huwa mistenni jitla' fuq il-pedana tax-xhieda quddiem il-ġurati aktar tard illum.

Segwu magħna għal kull żvilupp hekk kif il-proċeduri jibdew quddiem l-Imħallef Edwina Grima.

Jaelle Borg

Il-ġuri ta' Yorgen Fenech, akkużat li kien il-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ikompli llum quddiem l-Imħallef Edwina Grima, b'aktar xhieda mistennija jagħtu x-xhieda tagħhom hekk kif il-Prosekuzzjoni tkompli tippreżenta l-evidenzam    quddiem il-ġurati.

Ilbieraħ, il-Qorti semgħet sensiela ta' xhieda minn uffiċjali tal-forensika, esperti tad-DNA u speċjalisti tal-Europol, li ffukaw fuq tfittxijiet, analiżijiet forensiċi u apparat elettroniku elevat matul l-investigazzjoni.

L-aktar xhieda li ġibdet l-attenzjoni kienet dik taż-żewġ Scene of Crime OfficersMichelle Camilleri u Mario Azzopardi, li taw dettalji dwar it-tfittxija li saret fir-residenza tal-eks Chief of Staff Keith Schembri f'Novembru tal-2019.

Fil-kontro-eżami, Azzopardi kkonferma li l-uffiċjali elevaw biss l-apparat elettroniku li kien indikalhom Keith Schembri, filwaqt li qal ukoll li kienet l-ewwel darba f'19-il sena ta' servizz li ra lill-avukati ta' suspettat preżenti waqt tfittxija f'residenza.

Il-Qorti semgħet ukoll li diversi mobile phones ma ġewx elevati, wara li Schembri ma identifikahomx bħala tiegħu.

Aktar tard fis-seduta, membru tal-ġurija pprova jistaqsi lix-xhud kif ħassu dwar dawn l-istruzzjonijiet, iżda l-Imħallef Edwina Grima waqqfet il-mistoqsija qabel tingħata tweġiba.

Ilbieraħ instemgħu wkoll żewġ esperti tal-Europol, li spjegaw kif wettqu estrazzjonijiet forensiċi minn apparat elettroniku elevat minn Portomaso, mit-Tumas Group u mid-dgħajsa "Gio", bil-kontenut jinħażen fuq hard drives li aktar tard ġew ippreżentati bħala evidenza.

Intant, l-esperta tad-DNA Dr Marisa Cassar ikkonfermat li l-analiżi ġenetika stabbiliet formalment l-identità tal-vittma bħala Daphne Caruana Galizia. Hija xehdet ukoll dwar ittra anonima analizzata mill-forensika, fejn mill-bolla ġie estratt profil tad-DNA li x'aktarx kien ta' raġel.

Il-Qorti semgħet ukoll dwar riżultati ta' analiżijiet tad-DNA fuq kampjuni miġbura matul l-investigazzjoni, fosthom fdalijiet ta' sigaretti mill-punt ta' osservazzjoni f'Bidnija, li kienu jinkludu profili attribwiti lil Daphne Caruana Galizia kif ukoll lil Alfred u George Degiorgio.

Is-seduta tal-lum mistennija tkompli b'aktar xhieda hekk kif il-Prosekuzzjoni tkompli tibni l-każ tagħha quddiem il-ġurati fil-ġuri li qed jattira interess nazzjonali.Nnv  nnmm

 

More in Qrati u Pulizija