Il-kunsillier Laburista jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ammetta li hedded uffiċjali tal-pulizija u tal-LESA

Daniel Ablett ammetta diversi akkużi fosthom li hedded uffiċjali tal-pulizija u tal-LESA, iżda ċaħad l-akkuża ewlenija li uża vjolenza kontra uffiċjal pubbliku waqt il-qadi ta’ dmirijietu

Il-kunsillier Laburista ta’ Ħal Qormi, Daniel Ablett, ta’ 35 sena, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ammetta diversi akkużi relatati ma’ inċident li seħħ fil-Belt Valletta, filwaqt li kkontesta l-aktar akkuża serja miġjuba kontrih.

Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi Dylan Pace u Abigail Pomroy, spjegat li għall-ħabta tas-7:30pm tal-Ħadd, 27 ta’ Lulju, il-Għassa tal-Belt irċeviet telefonata mill-Control Room dwar persuna li kienet aggrediet uffiċjal tal-LESA.

Meta l-pulizija waslet fuq il-post sabet lil Ablett jargumenta mal-uffiċjal tal-LESA. Malli ġie infurmat li kien qed jiġi arrestat u ngħata d-drittijiet tiegħu, huwa allegatament hedded wieħed mill-uffiċjali tal-pulizija billi qallu li kien se joqtlu.

Wara li ttieħdet l-istqarrija tiegħu, Ablett tressaq il-Qorti assistit mill-avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia.

L-imputat ikkontesta l-ewwel akkuża, li tgħid li uża vjolenza jew irreżista lil uffiċjal pubbliku tal-LESA waqt li dan kien qed jaqdi dmirijietu skont il-liġi.

Madankollu, huwa ammetta l-akkużi l-oħra kollha, fosthom li hedded u insulta uffiċjali pubbliċi, ikkaġuna ġrieħi ħfief lill-uffiċjal tal-LESA, hedded uffiċjal tal-pulizija, naqas milli jobdi ordnijiet leġittimi tal-pulizija, hedded saċerdot, kiser il-paċi pubblika, beżaq jew tefa’ sustanza f’post pubbliku, u kien fis-sakra f’post miftuħ għall-pubbliku.

Minħabba l-ammissjoni tiegħu għall-parti l-kbira tal-akkużi, il-Qorti inizjalment issospendiet is-smigħ tal-kawża. Madankollu, fuq talba tad-difiża, il-kawża kompliet sabiex tkun tista’ titressaq it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Id-difiża sostniet li ma kien hemm l-ebda riskju ta’ tfixkil tal-provi, peress li l-vittma hija uffiċjal pubbliku. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat, filwaqt li enfasizzat is-serjetà tal-akkużi u l-fatt li dawn jistgħu jwasslu għal piena ta’ priġunerija effettiva.

Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.

Ablett ġie ordnat ma jsifirx barra minn Malta, jattendi għal kull seduta tal-Qorti, ma jikkommettix reat ieħor, jirrapporta kuljum fl-għassa tal-pulizija, josserva ħin ta' rkażar bejn id-9:00pm u s-6:00am, jiddepożita €3,000 u garanzija personali ta’ €7,000.

Fuq talba tal-prosekuzzjoni, il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur kemm l-uffiċjal tal-LESA kif ukoll l-uffiċjal tal-pulizija involuti fil-każ.

More in Qrati u Pulizija