It-tifla se tixhed bil-bibien magħluqa fil-każ tal-allegat attentat ta’ qtil
Il-minorenni, meqjusa bħala vittma ewlenija, mistennija tagħti x-xhieda tagħha bil-bibien magħluqa hekk kif tkompli l-kumpilazzjoni tal-provi quddiem il-Maġistrat Franco Agius
minn Jaelle Borg
Il-kumpilazzjoni tal-provi kontra r-raġel akkużat li allegatament ipprova joqtol iż-żewġ uliedu kompliet illum fil-Qorti, fejn fost l-aktar mumenti delikati mistennija jkun hemm ix-xhieda tat-tifla minorenni, li se tinstema’ bil-bibien magħluqa minħabba s-sensittività tal-każ.
Fis-seduta tal-lum, il-Qorti semgħet numru ta’ xhieda tekniċi u investigattivi li ppreżentaw stampa aktar ċara tal-ġrajjiet li seħħew.
L-ewwel xhud, il-perit Robert Musumeci, spjega kif kien inħatar biex jeżamina diversi siti marbuta mal-każ, fosthom l-inħawi tal-White Rocks f’Baħar iċ-Ċagħaq, residenza f’Ħaż-Żebbuġ u kamra fejn allegatament kien qatta’ xi żmien l-akkużat. Huwa żar dawn il-postijiet f’diversi ħinijiet u ġabar evidenza relatata mal-investigazzjoni, inkluż oġġetti u dokumentazzjoni medika.
Xhieda oħrajn kienu uffiċjali tax-xena tad-delitt li spjegaw l-irwol tagħhom fil-ġbir u d-dokumentazzjoni tal-evidenza. Huma rrakkuntaw kif wettqu diversi eżamijiet fuq il-post, fuq vettura involuta u fuq oġġetti u ħwejjeġ relatati mal-vittmi u mal-akkużat. Diversi esebiti ġew sussegwentement mgħoddija għal analiżi forensika, inkluż testijiet tad-DNA, fingerprinting u eżamijiet fuq apparat elettroniku.
Ix-xhieda tal-espert tekniku Keith Cutajar ta dettalji estensivi dwar l-analiżi ta’ apparat elettroniku u filmati tas-CCTV. Huwa spjega kif ġew estratti u analizzati filmati minn diversi lokalitajiet, inkluż il-Belt Valletta, San Ġiljan u Baħar iċ-Ċagħaq, li juru l-movimenti tal-akkużat u tat-tfal fil-ħinijiet qabel l-allegat attakk.
Mill-analiżi dettaljata tal-filmati tas-CCTV u d-data estratta mill-apparat elettroniku, ġiet rikostruwita kronoloġija ta’ dak li ġara fil-lejla tas-7 ta’ Marzu.
Għall-ħabta tal-5:53pm, l-akkużat deher jasal b’vann f’Marsamxett fejn iltaqa’ mal-eks sieħba tiegħu u ħa lit-tfal miegħu. Minn hemm, minflok mar direttament San Ġiljan, għadda minn Ħaż-Żebbuġ qabel kompla bil-vjaġġ tiegħu.
Aktar tard, għall-ħabta tat-7:54pm, il-filmati juru lill-akkużat jidħol fl-Eden Leisure Complex bit-tfal warajh. Hemmhekk qattgħu xi ħin jilagħbu bowling. Fl-istess ħin, l-omm kienet qed tipprova tagħmel kuntatt mat-tfal, b’komunikazzjoni li skont l-espert kienet tensjonata, bil-missier anke jibgħatilha ritratti tat-tfal waqt li kienu qed jilagħbu.
Wara, madwar id-8:45pm, huma dehru jimxu lejn Bay Street fejn daħlu jieklu il-Mc Donalds. Filmati tas-CCTV lemħu lill-imputat ħdejn l-appartament tiegħu f’Ħaż-Żebbuġ filwaqt li aktar tard il-vann intlemaħ f’San Ġiljan. Filmati CCTV minn Eden juru lill-akkużat flimkien ma’ wliedu mexjin lejn McDonald’s fi Triq il-Bay. Fil-McDonald’s, l-akkużat jidher jiġbor l-ikel u joħroġ barra. Waqt li t-tfal għadhom ġewwa, l-akkużat jidher iċċaqlaq t- trej tal-ikel. "Deher li ħawwad it-trej ftit", qal l-espert.
Ftit wara, għall-ħabta tad-9:13pm, telqu minn hemm u l-aħħar filmati juru l-vann miexi lejn Baħar iċ-Ċagħaq. Data mill-mobile turi li għall-ħabta tad-9:46pm, l-apparat kien qed jinqabad minn antenna qrib il-Luxol Grounds, għalkemm l-espert spjega li dawn il-lokalitajiet jibqgħu approssimattivi.
Filmati oħra ppreżentati juru lill-akkużat f’punti differenti wara l-allegat inċident, inkluż waqt li kien miexi waħdu u anke meta ġie avviċinat mill-pulizija mingħajr ma rreżista. Intwerew ukoll xeni relatati mal-vittmi, inkluż il-mument meta t-tifel instab u l-istat ta’ xokk li kien fih, kif ukoll filmati tat-tifla waqt li kienet qed tingħata assistenza fl-għassa tal-pulizija.
Mill-analiżi tal-mobile, irriżulta li kien hemm diversi telefonati u messaġġi, kif ukoll użu ta’ applikazzjoni ta’ traduzzjoni. Fost dawn, ġiet identifikata frażi tradotta mit-Taljan għall-Ingliż li tindika stat mentali disturbat, fejn l-akkużat allegatament esprima frustrazzjoni kbira u għamel referenza għal azzjoni imminenti li kien se jieħu, filwaqt li semma wkoll lil ibnu.
Aktar eżamijiet tal-forensika diġitali żvelaw messaġġi mibgħuta mill-akkużat lil terza persuna, li jesprimu rabja u frustrazzjoni dwar individwu partikolari. Wieħed mill-messaġġi mibgħuta qal: "Ilbieraħ waranofsinhar kellna konversazzjoni li ma tantx kienet tajba, trid toqgħod attent għax jieħu ħsiebha u trid tibża'. Ma nafx jekk kinitx theddida, irrid biss ngħarrafek ir-raġuni għaliex għandi tant rabja u diżappunt miegħu".
L-akkużat spiss irrefera għal dan l-individwu fil-komunikazzjonijiet tiegħu, ħafna drabi f’kuntest negattiv jew ta’ theddid, qal l-espert. L-espert għalhekk indika dawn il-konversazzjonijiet bħala rilevanti għall-każ.
Evidenza mill-mobile tal-mara wriet li kellha attività ta’ komunikazzjoni sinifikanti ma’ dan l-individwu. L-individwu inkwistjoni ġie identifikat bħala gym instructor f’fitness center iffrekwentat minn mart l-akkużat. Il-Qorti semgħet li l-akkużat qabel kien għamel xogħol fil-gym, u li kien inqala’ tilwim bejnu u l-instructor, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħlasijiet. Kien allegat li l-għalliem aktar tard ipprovda lill-mara tal-akkużat membership b’xejn fil-gym bħala forma ta’ pagament.
Meta mistoqsi mid-difiża dwar in-natura tar-relazzjoni bejn il-mara tal-akkużat u l-instructor, l-espert spjega li l-mara kienet ipprovdietlu n-numru tat-telefon tal-għalliem bħala alternattiva jew kuntatt ta’ emerġenza. Dan seħħ wara li l-mowbajl tagħha kien inqabad għal eżami forensiku, u l-espert kellu bżonn mezz ieħor biex jikkuntattjaha.
\
L-espert innota wkoll il-preżenza ta’ messaġġi mħassra bejn il-mara tal-akkużat u dan l-istess raġel li jissuġġerixxu li r-relazzjoni tagħhom setgħet estendiet lil hinn minn dik ta’ arranġament tipiku għalliem-klijent
L-espert spjega wkoll kif ġew analizzati diversi apparati, inkluż mobiles tat-tfal u tal-akkużat, kif ukoll laptop misjub fir-residenza tiegħu. Xi apparati kienu bil-ħsara u ma setgħux jiġu analizzati kompletament.
Filmati oħra ppreżentati juru l-intervent tal-pulizija u l-istat tal-vittmi wara l-inċident, inkluż mumenti fejn it-tifel jidher f’qagħda ta’ xokk u t-tifla fi stat ta’ paniku waqt li kienet qed tingħata assistenza.
L-avukati Gianella de Marco, Charles Mercieca u Conrad Borg Manché qed jirrappreżentaw lill-akkużat. L-avukati Maxilene Pace u Charmaine Cherret qed jidhru għall-parte civile.
Il-Maġistrat Franco Agius qed jippresiedi l-kawż
