Żewġt irġiel akkużati b’serje ta’ serqiet f’diversi lokalitajiet

Il-Qorti tisma’ kif is-suspettati huma marbuta ma’ numru ta’ serqiet, b’wieħed minnhom akkużat ukoll li kiser kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

 

Żewġt irġiel tressqu l-Qorti u wieġbu mhux ħatja wara li ġew mixlija b’rabta ma’ sensiela ta’ serqiet li allegatament seħħew f’diversi lokalitajiet fl-aħħar ġimgħat.

L-akkużati huma Joseph Attard, ta’ 51 sena minn Ħal Għaxaq, u Rodrick Zahra, ta’ 41 sena minn Santa Luċija, it-tnejn bla xogħol. Huma tressqu quddiem il-Qorti wara investigazzjonijiet tal-pulizija marbuta ma’ diversi rapporti ta’ serq.

Skont il-Prosekuzzjoni, ir-reati allegati seħħew bejn Frar u April tal-2026 f’lokalitajiet fosthom Ħaż-Żabbar, il-Kalkara, Ħal Tarxien u Xgħajra. F’numru ta’ każijiet, il-valur tal-oġġetti misruqa jaqbeż €2,329, filwaqt li ġiet irrappurtata wkoll ħsara fuq proprjetà.

Il-Qorti semgħet kif l-investigazzjonijiet kienu ffukati fuq vettura partikolari li kienet qed tidher f’diversi każijiet ta’ serq u li allegatament kienet tintuża minn żewġ persuni. Permezz ta’ filmati tas-CCTV u xogħol investigattiv ieħor, il-pulizija identifikat l-ewwel lil Attard u sussegwentement lil Zahra, li nstab ukoll fil-pussess ta’ vettura Nissan li tixbah lil dik li dehret fil-filmati.

Aktar evidenza ħarġet meta Zahra mar jiffirma fl-għassa taż-Żejtun, fejn allegatament kien liebes l-istess ħwejjeġ li deher bihom f’wieħed mis-serqiet f’Ħaż-Żabbar. Intqal ukoll li fit-22 ta’ April, Attard kien wasslu sal-għassa.

Minbarra s-serq, iż-żewġ akkużati qed jiffaċċjaw akkużi relatati ma’ ħsarat fuq proprjetà u pussess ta’ oġġetti misruqa, kif ukoll attentat ta’ serq f’inċident separat.

Fir-rigward ta’ Attard, tressqu wkoll akkużi addizzjonali, inkluż involviment f’serqa oħra f’Santa Luċija aktar kmieni din is-sena, kif ukoll allegat ksur ta’ diversi kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu minn qrati differenti bejn l-2018 u l-2026.

Min-naħa tiegħu, Zahra qed jiffaċċja wkoll akkuża li wettaq dawn ir-reati waqt li kien taħt ordni ta’ probation maħruġa f’Ottubru tal-2025.
Matul il-proċeduri, id-difiża ma kkontestatx il-validità tal-arrest u lanqas talbet għall-ħelsien mill-arrest. Iż-żewġ akkużati wieġbu mhux ħatja.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Christine Delia u Joseph Mercieca flimkien mal-avukati tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Celine Fenech u Joseph Camilleri Azarov.

Amadeus Cachia deher għal Joseph Attard, filwaqt li Christian Camilleri irrappreżenta lil Rodrick Zahra.

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil.

More in Qrati u Pulizija