Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Lara Lanfranco, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest imressqa mill-imputata Tammy Caruana, wara li kkunsidrat bir-reqqa l-argumenti kollha ppreżentati mill-partijiet fil-kawża.
Id-deċiżjoni ngħatat fid-19 ta’ Frar 2026, wara li l-Qorti semgħet ir-rikors imressaq mill-imputata fit-12 ta’ Frar 2026 u r-risposta tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li oppona t-talba u talab li l-imputata tibqa’ miżmuma arrestata.
Matul is-seduta tad-19 ta’ Frar, xehed l-Ispettur Claire Vella Borg, li spjegat iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest tal-imputata kif ukoll l-istat tal-investigazzjonijiet. Il-Qorti semgħet ukoll lix-xhieda indikati bħala allegati vittmi fil-proċedura, kif ukoll ir-rappreżentanti tal-banek li ppreżentaw dokumentazzjoni relatata ma’ klijenti tagħhom li allegatament huma vittmi fil-każ.
Fid-digriet tagħha, il-Qorti fakkret li meta tkun qed tikkunsidra talba għall-ħelsien mill-arrest, għandha teżamina numru ta’ fatturi, fosthom l-istadju tal-proċeduri, in-natura u ċ-ċirkostanzi tar-reati allegati, u jekk dawn jinkludux elementi ta’ ksur ta’ fiduċja. Il-Qorti qieset ukoll jekk jeżistix riskju li l-imputata tfixkel l-investigazzjonijiet jew tipprova tinfluwenza x-xhieda, kif ukoll jekk jeżistux miżuri alternattivi adegwati li jistgħu jiggarantixxu l-ordni pubbliku.
Il-Qorti rreferiet ukoll għal riskji potenzjali ta’ kuntatt ma’ terzi persuni jew entitajiet, kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta, fid-dawl tal-investigazzjonijiet li għadhom pendenti u li huma konnessi mal-istess fatti. Ġiet ikkunsidrata wkoll ġurisprudenza u interpretazzjonijiet mogħtija mill-qrati kostituzzjonali f’każijiet simili.
Wara li evalwat dawn iċ-ċirkostanzi kollha b’mod kumplessiv, il-Qorti waslet għall-konklużjoni li, f’dan l-istadju tal-kawża, għad hemm aktar minn raġuni waħda valida għaliex l-imputata għandha tibqa’ miżmuma arrestata. Il-Qorti rrimarkat li l-kundizzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq ħelsien mill-arrest ma kinux biżżejjed sabiex jeliminaw dawn ir-riskji.
Għaldaqstant, il-Qorti kkonsegwentement u f’dan l-istadju tal-proċeduri, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Tammy Caruana.
Il-Qorti ordnat li n-notifika tad-digriet tintbagħat lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, lill-Ispettur Claire Vella Borg, lill-imputata permezz tal-avukati tagħha Dr Roberto Spiteri u Dr Franco Galea, kif ukoll lill-Professur Stefano Filletti li qed jidher f’isem il-Bank of Valletta bħala parti ċivili fil-kawża.