Il-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Dr Giannella Camilleri Busuttil, ikkundannat lil Massimo Fasanelli għal sentejn priġunerija, sospiżi għal perjodu ta’ erba’ snin, wara li ammetta li kkaġuna ferita ta’ natura gravi, hedded persuna oħra u kiser ħames settijiet separati ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest.
Il-każ imur lura għall-10 ta’ Diċembru 2025, meta Fasanelli kien involut f’argument verbali li eskala f’ġlieda fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, eżatt barra l-bini tal-Qorti. Il-ġlieda seħħet ftit mumenti wara li kemm l-imputat kif ukoll il-vittma, Mario Mallia, kienu ħarġu minn seduti separati relatati ma’ proċeduri kriminali mhux marbuta bejniethom.
Il-Qorti semgħet kif iż-żewġt irġiel sofrew ġrieħi fil-wiċċ, b’Mallia jiġi ċċertifikat li weġġa’ b’ferita ta’ natura gravi. L-intervent tal-pulizija wassal biex il-ġlieda ġiet ikkontrollata u ż-żewġ persuni ġew arrestati.
Matul il-proċeduri, il-parte civile ddikjara li ħafer lill-imputat u esprima li ma kellux interess li Fasanelli jingħata piena ta’ ħabs effettiva. Dan il-fatt, flimkien mal-ammissjoni bikrija u volontarja tal-imputat, tqies mill-Qorti bħala ċirkostanza mitiganti fil-piena.
Madankollu, il-Qorti enfasizzat is-serjetà tar-reati, b’mod partikolari l-ksur ripetut tal-kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest imposti fuqu f’diversi proċeduri separati bejn l-2021 u l-2024. Għaldaqstant, ordnat ukoll il-konfiska parzjali ta’ diversi depożiti ta’ flus imħallsa bħala garanzija għall-ħelsien mill-arrest, li b’kollox jammontaw għal 4000 ewro favur il-Gvern ta’ Malta.
Barra minn hekk, il-Qorti ħarġet Ordni ta’ Trażżin kontra Fasanelli favur Mario Mallia għal perjodu ta’ sentejn, bil-għan li tiġi assigurata s-sigurtà tal-vittma. L-imputat ġie mwissi bil-konsegwenzi serji li jista’ jaffaċċja jekk jikser xi waħda mill-kundizzjonijiet ta’ din l-ordni jew jekk jerġa’ jikkommetti reat ieħor waqt il-perjodu operattiv tas-sentenza sospiża.
Il-Qorti spjegat lill-imputat, b’termini ċari, li kwalunkwe ksur fil-futur jista’ jwassal biex is-sentenza sospiża tiġi attivata, minbarra pieni oħra previsti mil-liġi.