Raġel minn Nepal ta' 43 sena li huwa residenti l-Imsida ttieħed l-Isptar Mater Dei wara li kien involut f'inċident tat-traffiku li seħħ għall-ħabta tal-5am fi Triq il-Kappillan Mifsud, Santa Venera.
Mill-ewwel stħarriġ tal-forzi tal-ordni li waslu fuq il-post, irriżulta li r-raġel intlaqat minn vettura tal-għamla Chevrolet Spark illi fil-ħin tal-inċident kienet misjuqa minn mara ta' 44 sena li hija residenti l-Ħamrun.
Ir-raġel ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku qabel ma ttieħed l-isptar b'ambulanza, fejn aktar tard huwa ġie ċċertifikat illi qiegħed isofri minn ġrieħi ta' natura gravi.
Il-Maġistrat Monica Borg Galea ġiet infurmata bil-każ u tnediet inkjesta, filwaqt illi l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.