Baħri jitlef ħajtu wara li għereq

Baħri ta’ 55 sena tilef ħajtu wara inċident fuq il-baħar madwar 15-il mil nawtiku ’l barra mill-kosta ta’ Wied il-Għajn, hekk kif waqa’ l-baħar waqt xogħol fuq bastiment

Baħri Filippin ta’ 55 sena tilef ħajtu wara li waqa’ l-baħar waqt li kien qed iwettaq xogħol fuq bastiment madwar 15-il mil nawtiku ’l barra mill-kosta ta’ Wied il-Għajn.

Skont stqarrija mill-Korp tal-Pulizija, l-inċident seħħ ilbieraħ meta l-Forzi Armati ta’ Malta talbu l-assistenza tal-Pulizija wara li r-raġel waqa’ minn fuq dgħajsa tas-servizz. Ir-raġel kien qed jorbot id-dgħajsa mal-bastiment meta, minħabba l-mewġ qawwi, waqa’ l-baħar.

Minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li baħri ieħor, ukoll Filippin u ta’ 43 sena, qabeż immedjatament fil-baħar biex jipprova jsalva lir-raġel. Bl-għajnuna ta’ żewġ baħrin oħra, irnexxielhom itellgħuh lura fuq id-dgħajsa.

Iż-żewġ baħrin ġew ittrasportati l-art mill-Forzi Armati ta’ Malta. Madankollu, sfortunatament, ir-raġel ta’ 55 sena ġie ċċertifikat mejjet. Il-baħri l-ieħor ittieħed l-Isptar Mater Dei għal aktar kura, fejn aktar tard ġie kkonfermat li ma sofra l-ebda ġrieħi.

Il-każ ġie rrappurtat lill-Maġistrat Dr Joe Mifsud LL.D, li ħatar inkjesta dwar l-inċident, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija