Raġel ta’ 30 sena residenti l-Imsida weġġa’ serjament wara li kien involut f’inċident tat-traffiku li seħħ fl-istess lokalità nhar it-Tnejn wara nofsinhar.
Skont stqarrija mill-Pulizija, l-inċident seħħ għall-ħabta tal-4.00pm fi Triq Mikiel Anton Vassalli, l-Imsida, meta mutur tal-marka Honda li kien qed jinstaq mir-raġel kien involut f’ħabta ma’ vettura tal-marka BYD E6 misjuqa minn raġel ta’ 39 sena residenti Tas-Sliema.
Fuq il-post issejħet ambulanza li tat l-ewwel għajnuna lir-raġel qabel ma ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura medika. Aktar tard, huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar iċ-ċirkostanzi li wasslu għal dan l-inċident għadhom għaddejjin.