Mara titlef ħajjitha f’inċident tat-traffiku f’San Ġiljan

Mara Kolombjana ta’ 31 sena, residenti Birkirkara, mietet wara ħabta bejn karozza u mutur fi Triq Mikiel Anton Vassalli kmieni l-Erbgħa filgħodu

Ritratt: Pulizija ta' Malta
Ritratt: Pulizija ta' Malta

Mara ta’ 31 sena mill-Kolombja, li kienet tgħix Birkirkara, tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku li seħħ kmieni l-Erbgħa filgħodu f’San Ġiljan, skont stqarrija mill-Pulizija.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-3.00am fi Triq Mikiel Anton Vassalli. Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn karozza Kia Picanto, misjuqa minn żagħżugħ ta’ 21 sena residenti Marsaskala, u mutur tat-tip TVS Jupiter li kien qed jinstaq mill-vittma.

Tim mediku tal-emerġenza wasal minnufih fuq il-post u ta l-ewwel għajnuna lill-mara, iżda sfortunatament hija ġiet iċċertifikata mejta ftit tal-ħin wara.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat Philip Galea Farrugia, li ħatar inkjesta maġisterjali biex tinvestiga ċ-ċirkostanzi tal-inċident. L-investigazzjonijiet mill-Pulizija dwar dan l-inċident fatali għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija