L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7am fi Vjal il-Qalbiena Mostin. Skont l-ewwel investigazzjonijiet, il-ħabta kienet tinvolvi vann Ford Transit misjuq minn raġel ta’ 65 sena residenti Ħad-Dingli u mutur KTM misjuq mill-vittma.
Is-sewwieq ingħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku fuq il-post u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn aktar tard ġie ċċertifikat mejjet.
Żewġ minorenni li kienu passiġġieri fil-vann ma ġarrbux ġrieħi, filwaqt li x-xufier tal-vann ittieħed fl-eqreb ċentru tas-saħħa wara li sofra xokk.
Il-Maġistrat Monica Borg Galea ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta maġisterjali.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.