Uffiċjal tal-Pulizija interrogat dwar bumper misruq

 L-Assistent Kummissarju tal-Pulizija tpoġġa fuq leave sfurzat wara li tip off anonimu sostna li seraq bumper ta' karozza

Uffiċjal fil-Korp tal-Pulizija ġie interrogat nhar l-Erbgħa dwar bumper ta’ karozza misruq u immedjatament tqiegħed fuq leave sfurzat.

Sorsi qrib il-Pulizija qalu li l-uffiċjal, Assistant Commissioner Malcolm Bondin, ġie konfrontat dwar allegazzjonijiet li seraq bumper użat ta’ valur ta’ madwar €200.

Għalkemm iċ-ċirkostanzi eżatti tal-allegat reat għadhom mhux magħrufa, l-azzjoni amministrattiva ttieħdet minnufih, u Bondin tneħħa mill-kariga tiegħu temporanjament.

Il-każ bħalissa qed jiġi investigat mill-Pulizija.

Il-Pulizija tikkonferma l-investigazzjoni

Fi stqarrija maħruġa l-Ħamis filgħodu, il-Korp tal-Pulizija kkonferma li rċieva rapport anonimu permezz tas-sistema Break the Silence, li daħlet fis-seħħ fl-2020 biex tissaħħaħ it-trasparenza u l-governanza interna fil-korp.

L-istqarrija ma semmietx l-isem tal-uffiċjal involut, kif ukoll ma ddetaljatx liema kienet l-allegata ħaġa misruqa, f’konformità mal-proċeduri normali tal-Korp.

“L-investigazzjoni nbdiet minnufih u bħala miżura amministrattiva, l-uffiċjal tpoġġa fuq leave furzat,” ikkonfermat il-Pulizija, waqt li żiedet li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Fl-aħħar tal-istqarrija ġiet affermata mill-ġdid il-pożizzjoni tal-Korp:
“Il-Korp tal-Pulizija jibqa’ impenjat li jżomm l-għola standards ta’ integrità u trasparenza.”

More in Qrati u Pulizija