Il-Qorti tal-Appell Kriminali tħassar sentenza ta’ disa’ xhur ħabs kontra raġel ta’ 29 sena

L-inċident ħalla mara bi ġrieħi serji u permanenti

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ħassret sentenza ta’ disa’ xhur ħabs li kienet ingħatat lil Renald Aquilina, ta’ 29 sena, wara li sabet li l-qorti inferjuri naqqset milli ssegwi l-proċedura legali korretta meta aċċettat l-ammissjoni tiegħu ta’ ħtija.

Aquilina kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati ta’ sewqan negliġenti u perikoluż li kkawża ġrieħi serji lil mara ta’ 50 sena waqt inċident tat-traffiku fi Triq ix-Xatt, Tas-Sliema, fis-16 ta’ Settembru 2016. Huwa kien intbagħat disa’ xhur ħabs u sospensjoni ta’ tliet snin mis-sewqan.

Madankollu, il-Qorti tal-Appell iddikjarat li s-sentenza kollha kienet nulla u bla effett, billi ma kienx ġie osservat il-proċess li bih akkużat li jammetti ħtija għandu jiġi formalment imwissi dwar il-konsegwenzi legali u jingħata ħin raġonevoli biex jerġa’ jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu.

L-appell, ippreżentat f’Lulju 2025, sostna li s-sentenza tal-maġistrat kienet irregolari u sproporzjonata, u li l-qorti kienet injorat deċiżjoni preċedenti tal-istess Qorti tal-Appell, mogħtija f’Marzu 2024, li kienet ordnat biss li s-sentenza tiġi rriżentata bla ma tinbidel il-piena.

Aquilina wkoll insista li l-qorti ma tatx biżżejjed piż lil ċirkustanzi mitiganti.

Il-Qorti nnutat li minn proċess verbali tas-seduta tas-6 ta’ Mejju 2025 jirriżulta li Aquilina kien ingħata biss ftit minuti biex jikkonsulta mal-avukat tiegħu, iżda ma ngħatax it-twissija solenni li titlob il-liġi. Għaldaqstant, l-ammissjoni tiegħu ma tistax titqies valida, u l-proċess kollu kellu jitqies bħala null.

Mill-provi quddiem il-qorti inferjuri kien deher li Aquilina kien qed isuq Peugeot b’veloċità ta’ 110 km/h f’żona residenzjali meta laqat lil Cauchi hekk kif kienet qed taqsam fuq zebra crossing. L-impatt kien daqshekk qawwi li l-mara taret fl-arja u waqgħet fuq in-naħa l-oħra tat-triq, u sofriet ġrieħi serji u permanenti.

Żewġha xehed li martu tilfet il-memorja temporanja, ma setgħetx titkellem jew tikteb sewwa, u kellha bżonn terapija kontinwa tal-lingwa u tal-moviment. Minħabba l-kundizzjoni tagħha, kellha tħalli l-kariga tagħha ta’ maniġer fil-bank u tgħaddi għal pożizzjoni aktar baxxa. Xhud ieħor li ra l-inċident qal li ra lill-mara “ittir” wara li ħabtet mal-karozza, u li vetturi oħra kienu diġà waqfu, filwaqt li l-karozza ta’ Aquilina għaddiet bil-veloċità mill-lane tal-karozzi tal-linja.

Wara li eżaminat il-provi u l-proċess, il-Qorti tal-Appell ħassret is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2025 u ordnat li Aquilina jerġa’ jitqiegħed fl-istess pożizzjoni proċedurali li kien fiha qabel ma ammetta l-ħtija tiegħu. Dan ifisser li l-proċeduri kriminali kontra tiegħu se jerġgħu jibdew mill-istadju ta’ qabel is-seduta tas-6 ta’ Mejju 2025, quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.

Aquilina kien rappreżentat mill-avukati Franco Debono u Charles Mercieca.

More in Qrati u Pulizija