Raġel jinstab ħati f’inċident ta’ hit-and-run
Raġel akkużat b’hit and run f’inċident tat-traffiku - ġie mmultat €1,200, tnaqqsu erba’ punti penali u ġie pprojbit milli jsuq għal tmint ijiem
More in Qrati u Pulizija
Raġel akkużat b’hit and run f’inċident tat-traffiku - ġie mmultat €1,200, tnaqqsu erba’ punti penali u ġie pprojbit milli jsuq għal tmint ijiem
Salvino Azzopardi, ta’ 63 sena minn Ħaż-Żabbar, instab ħati li kkaġuna ħabta u telaq minn fuq il-post tal-inċident li seħħ f'Regional Road, ftit qabel it-triq li twassal lejn il-bypass ta’ Birkirkara.
Azzopardi kien akkużat b’sewqan bla ħsieb, li kkaġuna ħsara lil vettura oħra, u li naqas milli jieqaf jew jipprovdi d-dettalji tiegħu lill-awtoritajiet wara l-inċident.
Il-verżjoni tal-vittma
Il-vittma rrakkonta fil-Qorti li kien qed isuq fil-karreġġjata tiegħu meta Azzopardi bidel il-karreġġjata minn barra u ħabat mal-vann tiegħu. Minkejja li daqq il-horn tal-karozza biex jiġbidlu l-attenzjoni, Azzopardi baqa’ jsuq, u b’hekk il-vittma segwieh sakemm iż-żewġ vetturi waqfu ħdejn ir-roundabout li twassal lejn l-Isptar Mater Dei.
Meta ġew wiċċ imb wiċċ, Azzopardi ċaħad li kien ikkawża ħabta, iżda l-vittma wera l-ħsarat fuq iż-żewġ vetturi, b’mod partikolari fuq il-bumper ta’ quddiem tal-vann tiegħu. Il-Pulizija ġew imsejħa fuq il-post u ikkwalifikaw l-inċident bħala hit-and-run.
Ix-xhud ikkonfermat il-verżjoni
Il-partner tal-vittma, li kienet tinsab fil-vettura miegħu, ikkonfermat il-verżjoni tiegħu. Hija qalet li Azzopardi kien qed isuq b’veloċità eċċessiva, daħal fil-karreġġjata tagħhom u ħabat magħhom. Hija żiedet li, Azzopardi ma kienx konxju li kien ħabat, u baqa’ jiċħad li kien għamel xi ħaġa ħażina.
Il-Qorti osservat li Azzopardi naqas milli josserva d-dixxiplina tal-karreġġjata u li l-manuvra bla ħsieb tiegħu kienet il-kawża diretta tal-ħabta. Barra minn hekk, il-Qorti qieset li huwa kiser l-obbligu legali li jieqaf u jagħti d-dettalji tiegħu wara inċident tat-traffiku.
B’konsegwenza ta’ dan, Azzopardi ġie mmultat €1,200, tilef erba’ punti mid-dokument tas-sewqan tiegħu, u ġie sospendut mis-sewqan għal tmint ijiem.