Inċident li seħħ filgħodu tal-Ġimgħa fil-mini ta’ Santa Venera kkawża konġestjoni kbira fit-traffiku fid-direzzjoni ta’ San Ġiljan.
L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ 10:30 a.m. u kien jinvolvi tliet karozzi — Mazda Demio, Volkswagen Golf u Toyota Yaris Cross.
Ambulanza ssejħet fuq il-post biex tassisti raġel ta’ 44 sena minn Ħaż-Żabbar li kien fil-Mazda Demio. S’issa mhux magħruf jekk ir-raġel kienx qed isuq jew kienx passiġġier fil-vettura.
Il-Pulizija u s-servizzi ta’ emerġenza kienu fuq il-post biex jassistu, filwaqt li t-traffiku tnaqqas għal korsija waħda fil-mini. Il-vetturi kienu qed jimxu bil-mod u s-sewwieqa ġew imħeġġa jfittxu rotot alternattivi
S’issa ma hemmx aktar dettalji dwar il-kundizzjoni tar-raġel jew il-kawża tal-inċident, iżda l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.