Wara ġimgħat ta’ investigazzjonijiet u osservazzjonijiet intensivi, il-Pulizija Maltija arrestat raġel ta’ 45 sena ta’ nazzjonalità Kroata f’rabta ma’ waħda mill-akbar sejbiet ta’ droga f’Għawdex, li tinkludi madwar 76 kilogramma ta’ kokaina b’valur stmat ta’ €9 miljun fis-suq.
L-operazzjoni saret nhar it-Tlieta fil-Port tal-Imġarr, fejn il-pulizija waqqfu vettura u wettqu tfittxija li wasslet għas-sejba ta’ 18-il kilogramma ta’ sustanza suspettata kokaina.
It-tfittxijiet imbagħad komplew fir-residenza tal-istess suspettat fix-Xagħra, fejn instabu 58 kilogramma oħra tal-istess droga, flimkien ma’ pjanċi tar-reġistrazzjoni ta’ vetturi differenti, li jissuġġerixxu li kien hemm tentattiv biex jiġu evitati l-kontrolli jew moħbija l-identità tal-vetturi.
Il-Maġistrat Dr Simone Grech LL.D ġiet infurmata immedjatament bis-sejba u ħatret inkjesta Maġisterjali dwar il-każ. Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti t’Għawdex illum wara nofsinhar, għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs, quddiem il-Maġistrat Dr Grech.
Din l-operazzjoni hi frott ta’ koordinazzjoni bejn diversi taqsimiet tal-Korp tal-Pulizija, li kienu ilhom isegwu movimenti suspettużi bejn Malta u Għawdex.