Il-Qorti ċaħdet it-talba ta’ Maltco dwar l-esklussività tal-lotteriji

Il-qorti tikkonferma li l-esklussività ta’ Maltco tapplika biss għal-Lotto, Super 5 u Grand Lottery

 

Il-Qorti tal-Appell ċaħdet it-talba ta’ Maltco Lotteries Limited biex testendi l-monopolju tagħha lil hinn mil-Lotterija Nazzjonali, billi ddeċidiet li l-esklussività tal-kumpanija tapplika biss għal tliet logħob: Lotto, Super 5 u Grand Lottery.

Id-deċiżjoni, mogħtija nhar it-Tlieta mill-Kap Ġustizz, Mark Chetcuti, flimkien mal-Imħallfin Robert G. Mangion u Grazio Mercieca, tagħlaq battalja legali twila bejn il-kumpanija tal-lotteriji, il-gvern Malti u l-Malta Gaming Authority (MGA).

Il-kawża kienet tikkonċerna jekk l-awtoritajiet kinux kisru d-drittijiet ta’ Maltco meta taw liċenzji lil operaturi oħra – fosthom Gaming Operations Limited (IZIBET) – biex joffru dak li jissejjaħ “logħob addizzjonali”, bħall-imħatri sportivi u logħob ta’ stil roulette.

Maltco sostniet li l-konċessjoni li ngħatat fl-2012 mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Industrija tatilha esklussività mhux biss fuq il-Lotterija Nazzjonali, imma wkoll fuq kull logħba addizzjonali li setgħet tiġi introdotta, sakemm ma tiġi maħruġa leġiżlazzjoni ġdida li tippermetti lil oħrajn joperaw.

Il-kumpanija akkużat lill-gvern u lill-MGA li aġixxew bi ksur ta’ kuntratt u b’mala fidi, meta taw liċenzji lil operaturi oħra għal-logħob li, skont Maltco, kien jaqa’ taħt il-konċessjoni tagħha. 

Iżda kemm il-gvern kif ukoll l-awtorità tal-logħob insistew li l-esklussività ta’ Maltco kienet limitata biss għal-logħob tal-Lotterija Nazzjonali – jiġifieri l-Grand Lottery, is-Super 5 u l-Lotto.

Huma spjegaw li s-suq tal-logħob addizzjonali kien diġà regolat separatament taħt ir-Regolamenti tal-Gaming Devices, li kienu fis-seħħ sa minn qabel il-konċessjoni ta’ Maltco, u li pppermettew lill-MGA toħroġ liċenzji lil diversi operaturi.

Il-qorti eżaminat il-Konċessjoni tal-2012, il-Liċenzja tal-Lotterija Nazzjonali u l-liġijiet relevanti, inkluż Kap. 438 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Hija sabet li filwaqt li l-konċessjoni ssemmi l-possibbiltà ta’ leġiżlazzjoni futura għal logħob addizzjonali, ma tatx lil Maltco dritt ta’ esklussività lil hinn mit-tliet prodotti tal-Lotterija Nazzjonali.

Il-ġudikanti osservaw ukoll li operaturi oħra kienu diġà attivi fis-suq tal-logħob addizzjonali qabel ma daħlet fis-seħħ il-konċessjoni ta’ Maltco – fatt li juri li l-kumpanija ma setgħetx titlob monopolju f’dak is-settur.

Barra minn hekk, Maltco ma ħallsetx ħlas jew tariffa biex takkwista xi forma ta’ esklussività fuq logħob ieħor, argument li żied idgħajjef il-pożizzjoni tagħha.

Billi ċaħdet l-appell ta’ Maltco, il-Qorti tal-Appell kkonfermat li l-Malta Gaming Authority aġixxiet fi ħdan il-mandat legali tagħha meta ħarġet liċenzji lil operaturi oħra biex joffru servizzi ta’ logħob addizzjonali.

 

More in Qrati u Pulizija