Raġel ta’ 25 sena li joqgħod il-Kerċem, Għawdex, tressaq il-Qorti akkużat bi vjolenza domestika u b’numru ta’ reati relatati mal-eks sieħba tiegħu.
L-akkużat, ċittadin Brittaniku u sewwieq ta’ trakk, ġie mixli li kkawża biża’ ta’ vjolenza lill-eks sieħba tiegħu, kif ukoll li heddidha, insulta, weġġagħha ħafif u fastidjaha. Huwa ġie wkoll akkużat bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kienu diġà ġew imposti fuqu f’każ separat ta’ reati tad-droga, kif ukoll b’użu ħażin ta’ tagħmir elettroniku u ħsara fil-propjetà tal-vittma.
Il-Qorti semgħet kif il-mara, li kienet f’relazzjoni ta’ tliet snin mal-akkużat li spiċċat f’Settembru, għamlet rapport lill-Unità tal-Vjolenza Domestika ta’ Santa Luċija.
Skont ix-xhieda tal-pulizija, fit-11 ta’ Ottubru, il-mara kienet f’Żonqor Point, Marsaskala, meta l-akkużat allegatament ressaq lejn il-karozza tagħha, ħa martell mill-vettura tiegħu u kissrilha t-tieqa ta’ wara fuq il-lemin kif ukoll il-bonnet tal-Peugeot tagħha. Meta ppruvat twaqqfu, huwa attakkaha fiżikament, u ġiet iċċertifikata b’ġrieħi ħfief minn tabib.
L-għada, waqt li kienet fl-għassa tal-pulizija biex tagħmel rapport, il-vittma allegatament irċeviet messaġġ bil-vidjo mingħand l-akkużat li kien daħal fid-dar ta’ missierha bla permess.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih.
L-Ispettur Antonello Magri, li qed imexxi l-prosekuzzjoni, oppona t-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-gravità tal-akkużi u l-fatt li x-xhieda ewlenin għadhom ma xehdux.
Il-Maġistrat Nadine Sant Lia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
Id-difensur tal-akkużat kien l-avukat Matthew Xuereb.