Raġel ħalla lill-klieb tal-ex sieħba tiegħu bil-ġuħ f’argument ta’ vjolenza domestika

Raġel bla xogħol li kien jgħix mill-fondi tal-eks sieħba tiegħu jitressaq il-qorti fuq akkużi ta’ vjolenza domestika wara li heddidha waqt li kienet barra minn Malta żżur il-familja

Raġel ta’ 32 sena qed jinżamm taħt arrest wara li allegatament hedded lill-ex sieħba tiegħu u nstab jsuq il-karozza tagħha minkejja li qatt ma kellu liċenzja tas-sewqan.

Il-każ inqala’ wara li l-allegata vittma, li kienet f’relazzjoni miegħu għal sentejn u nofs u li ntemmet f’Awwissu, marret l-Italja għal ftit jiem biex iżżur lill-familja tagħha. Għalkemm separati, iż-żewġ partijiet kienu għadhom jgħixu taħt l-istess saqaf, peress li l-akkużat bla xogħol u jiddependi fuqha għall-ħlas tal-kera u l-ispejjeż.

Il-qorti semgħet kif waqt li kienet barra minn Malta, ir-raġel baqa’ jċemplilha u jheddidha. F’okkażjoni waħda bagħtilha filmat tiegħu jarmi l-ikel tal-klieb tagħhom, jgħidilha: “Jekk ma niekolx jien, lanqas il-klieb ma jieklu,” u wara għalaqhom f’kamra.

F’jum qabel il-vittma irritornat Malta, allegatament bagħtilha messaġġ fejn qalilha: “Se tkun taf x’inhu l-uġigħ meta tinżel.”

Meta waslet lura Malta, il-mara għamlet rapport lill-pulizija u l-akkużat inqabad. Il-qorti rat ukoll filmat mibgħut mill-istess akkużat fejn deher isuq il-karozza tal-vittma, minkejja li m’għandux liċenzja.

Il-validità tal-arrest ma ġietx ikkontestata u r-raġel wieġeb mhux ħati.

Ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.

L-Ispettur Audrey Micallef mexxa l-prosekuzzjoni.

L-avukat tal-għajnuna legali Thomas Barbara Sant assista lill-akkużat.

More in Qrati u Pulizija