Żagħżugħ ta’ 21 sena nqabad isuq mingħajr liċenzja darbtejn

Ir-raġel inqabad isuq mingħajr liċenzja f'Awwissu, iżda ma ġiex arrestat

Zagħżugħ ta’ 21 sena residenti l-Marsa tressaq il-qorti nhar it-Tlieta u ġie mixli li saq karozza mingħajr liċenzja tas-sewqan u mingħajr kopertura ta’ assigurazzjoni f’żewġ okkażjonijiet separati.

Lee Formosa kien akkużat ukoll li kiser żewġ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest – waħda imposta f’Ġunju tal-2023 u oħra f’Diċembru tas-sena li għaddiet – kif ukoll li hu reċidiv.

L-Ispettur James Mallia spjega li f’Awwissu li għadda, Formosa kien ġie mwaqqaf fil-Furjana għax kien qed isuq mingħajr liċenzja, iżda dak il-ħin ma ġiex arrestat. Fit-22 ta’ Settembru, uffiċjali tal-LESA waqqfuh wara li nqabed juża l-mobile waqt li kien qed isuq. Huwa ġie trasferit għand il-Pulizija u aktar tard tressaq il-qorti.

Il-qorti ddikjarat l-arrest bħala wieħed validu.

Il-proċeduri

Formosa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. F’dan l-istadju ma ntalbitx il-ħelsien mill-arrest, u għalhekk baqa’ jinżamm taħt arrest.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi James Mallia, Cheyenne Mangion u Rachel Aquilina. L-avukati Franco Debono u Adreana Zammit dehru għal Formosa.

Il-kawża qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Abigail Critien.

More in Qrati u Pulizija