Tibda l-kumpilazzjoni dwar il-qtil doppju fir-Rabat

Carmelo Ciantar jmmetti li qatel żewġ persuni fir-Rabat wara li ma tkellimx waqt l-interrogazzjoni tal-Puluzija

Ritratt:James Bianci/Malta Today
Ritratt:James Bianci/Malta Today

Il-kompilazzjoni tax-xhieda kontra Carmelo Ciantar, magħruf bħala “Id-Durga”, bdiet illum fil-Qorti, fejn il-Pulizija rrakkontaw kif l-akkużat kien ammetta li qatel lil Anthony Agius u lil Dennis Mifsud xahar ilu. Huwa qed jiffaċċja wkoll akkużi ta’ ħruq u pussess irregolari ta’ arma tan-nar.

L-Ispettur Kurt Colombo Zahra spjega kif, fil-jum tal-inċident, il-Pulizija ġew infurmati li żewġ persuni kienu nqatlu bil-pistola fil-limiti tar- Rabat, u li kien hemm ukoll kamra qed taqbad fil-viċin. Fuq il-post sabu tliet vetturi — Suzuki Swift, Hyundai u vann Toyota.

Ħdejn il-Hyundai kien hemm il-katavru ta’ Agius b’feriti tal-isparaturi f’żaqqu, filwaqt li kelb Chihuahua kien qed idur madwaru u ma kien qed iħalli lil ħadd jersaq qrib. Fil-vann instab Mifsud fil-post tas-sewwieq, b’ferita fatali f’rasu, bil-magna tal-vettura għadha mixgħula.

Ħdejn il-kamra li kienet qed taqbad, instabu karti ta’ identità u liċenzja tas-sewqan imqattgħin, li kienu jappartjenu lil Ciantar.

Skont ix-xhieda, il-Pulizija ġew megħjuna minn Kelly Agius — bint Anthony u neputija ta’ Dennis — li qalet li kienet ippruvat tikkuntattja lill-vittmi iżda dan kien bla suċċess. Wara li ċemplet lil Ciantar minn numru differenti, dan wieġeb b’dikjarazzjoni diretta li qatilhom: "qtilthomlok ja wurdiena."

Meta l-Pulizija ċemplulu huma stess, Ciantar qalilhom li kienu se jsibuh mejjet u li kien ilu jsofri wisq minn “tortura” minn oħrajn. Huwa ammetta li l-arma kienet għada għandu u ta dettalji dwar argument mal-partner tiegħu Agnes Mifsud,

Ciantar irrakkonta kif l-ewwel spara f’ras Dennis meta wasal fuq il-post, u mbagħad stenna lil Anthony biex jidhirlu minn wara bieb tal-garaxx. Meta dan wasal u qallu biex ma jisparax, l-akkużat xorta waħda fetaħ in-nar, u mbagħad sparalu darbtejn oħra.

Wara li kien lokalizzat permezz tal-mowbajl fil-PAMA, Mosta, il-Pulizija arrestawh fil-parkeġġ tal-istess kumpless. Huwa rrepeta l-istorja tiegħu u ammetta li kien “beda u ried itemm” l-affarijiet.

L-interrogazzjoni formali rat lil Ciantar jagħżel li ma jwieġeb ebda mistoqsija, iżda aktar tard reġa’ ammetta l-atti, u qal li ried jagħti skuża lil Agnes u lil Dennis, iżda mhux lil Anthony.

Id-difiża, immexxija minn Franco Debono, qajmet mistoqsijiet dwar il-kundizzjoni mentali tal-akkużat u għaliex ma ġiex assenjat psikologu, meta kien qed jhedded li joqtol lilu nnifsu. L-Ispettur qal li kien taħt sorveljanza kontinwa u li ġew magħmula testijiet mediċi biex jiġi ċċertifikat li kien f’kundizzjoni għal interrogazzjoni.

Is-seduta għadha għaddejja.

More in Qrati u Pulizija