Il-Pulizija kellha tmiem il-ġimgħa impenjattiv fl-inħawi ta’ Paceville, b’interventi marbuta mal-abbuż ta’ sustanzi, ksur ta’ kundizzjonijiet tal-qorti, traffikar ta’ droga, serq u anke vjolenza lejn uffiċjali pubbliċi.
Il-Ġimgħa filgħaxija, 6 ta’ Ġunju, waqt ronda ta’ rutina, il-pulizija nnutaw żewġ persuni jbigħu bżieżaq mimlijin bil-gass Nitrous Oxide, magħruf ukoll bħala “laughing gas”. L-uffiċjali raw ukoll diversi individwi jixtru u jikkunsmaw il-gass fuq il-post. Ir-ronda wasslet għall-konfiska ta’ 18-il flixkun u għall-intervent kontra l-bejjiegħa.
Aktar tard dakinhar, żewġ individwi magħrufa mal-pulizija ġew arrestati wara li nqabdu jiksru l-kundizzjonijiet tal-bail imposti mill-Qorti, li jinkludu limitazzjonijiet fuq l-ħinijiet tal-moviment tagħhom.
Fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, għall-ħabta ta’ nofsillejl, raġel inqabed jittraffika l-kannabis. Huwa ġie arrestat minn pulizija li kienu fuq il-post u aktar tard tressaq il-Qorti, fejn ammetta l-akkużi miġjuba kontrih. Huwa ngħata sentenza ta’ 14-il xahar priġunerija u multa ta’ €500.
L-istess lejl għall-ħabta tal-5:30 a.m., raġel irrapporta serqa f’Ġnien Spinola. Il-pulizija, flimkien mal-vittma, għamlu tfittxija fl-inħawi u rnexxielhom jidentifikaw il-persuna suspettata ftit wara. Fuq il-persuna tiegħu nstabet il-kartiera u l-mobile misruqa. Wara li ammetta l-akkużi fil-Qorti, ngħata sentenza ta’ 3 snin ħabs effettivi.
Is-Sibt filgħaxija, il-pulizija ġew imsejħa f’każ ta’ inċident tat-traffiku bejn żewġ karozzi. Dak li beda bħala argument bejn il-persuni involuti spiċċa fi ksur ta’ ordni u arresti. Żewġ persuni ġew arrestati wara li ma kkoperawx mal-pulizija, filwaqt li mara li aggrediet uffiċjal tal-pulizija wkoll ġiet arrestata. Hija ammettet il-ħtija u ngħatat probation għal tliet snin, waqt li l-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-pulizija.
Dawn l-interventi jikkonfermaw l-impenn kontinwu tal-pulizija biex jiżguraw ordni pubbliku u s-sigurtà f’żoni ta’ divertiment bħal Paceville.