Quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi, kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ David Brincat, iż-żagħżugħ ta’ 18-il sena mixli li poġġa materjal splussiv magħmul id-dar barra ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista f’Mejju ta’ din is-sena.
Ix-xhieda tal-każ inkludiet tliet psikjatri, Rachel Taylor-East, Nigel Camilleri, u Christian Sant, li kkonfermaw li testijiet mediċi wrew li Brincat kien pożittiv għall-mephedrone u sustanzi oħra. Huma stqarrew li ħadu nota mill-iżvilupp sħiħ tiegħu sa minn meta twieled, u kkonfermaw li għandu awtiżmu, personality disorder, u qiegħed fi stat ta’ psikożi li setgħet ġiet aggravat mill-abbuż tad-droga.
Taylor-East fissret kif sustanzi bħal dawk li ġie espost għalihom Brincat jistgħu jikkawżaw psikożi, għalkemm fakkret li dan iż-żagħżugħ diġà kien vulnerabbli għaliha minħabba l-kundizzjonijiet mentali tiegħu. Camilleri żied jgħid li Brincat kien qallu li jipproduċi l-materjal tossiku għalih innifsu fil-garaxx fejn kien joqgħod.
Ir-rapport tat-tliet psikjatri ġie ppreżentat lill-Qorti bħala evidenza qawwija li, fil-ħin tal-attentat allegat, Brincat kien fi stat ta’ ġenn. Għalhekk, il-Maġistrat ordna li jkompli jinżamm taħt kustodja fl-Isptar Monte Carmeli biex jingħata l-kura neċessarja.
Fost l-akkużi kontra Brincat hemm reati serji relatati mat-terroriżmu u l-manifattura illegali ta’ splussivi. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija wrew li Brincat seta’ kellu pjanijiet għal attakki oħra, b’mira speċifika f’moħħu.
Il-każ qed ikun immexxi mill-Ispetturi Wayne Camilleri u Lydon Zammit flimkien mal-Avukati tal-Prosekuzzjoni, Kayleigh Bonnett u Joseph Camilleri. Għad-difiża, qed jidhru l-Avukati Lara Clarks u Nicholas Mifsud.