Il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Richard Bilocca u ħames uffiċjali oħra ċaħdu akkużi li jżommuhom responsabbi għal inċident fatali fl-inċineratur tal-kumpanija fil-Marsa, sentejn ilu.
Bilocca ta’ 39 sena miż-Żurrieq ġie mixli b’ċitazzjoni -u mhux taħt arrest- quddiem il-maġistrat Gabriella Vella nhar it-Tlieta, flimkien mal-Maniġer tas-Saħħa u s-Sigurtà Stefan Salamone ta’ 42, l-inġinier ta’ 35 sena Ryan Mark Cachia minn Ħal Tarxien, il-facility manager Ryan Cauchi. , 32, mill-Mosta u Uffiċjali tas-Saħħa u s-Sigurtà Silvan Borg, 51, minn Marsaskala u Aylin Fleri, 32, mill-Belt Valletta.
L-akkużi, li jinkludu omiċidju involontarju, huma relatati ma’ inċident fil-Faċilità ta’ Trattament Termali tal-Marsa fl-10 ta’ Mejju 2022 li kkawża l-mewt ta’ Joseph Ellul ta’ 38 sena minn Marsaxlokk. Ellul kien instab, mejjet, ħdejn lift fil-faċilità, bi ġrieħi fil-kozz t’għonqu.
Inkjesta maġisterjali dwar l-inċident fatali kienet enfasizzat nuqqasijiet sinifikanti ta’ sikurezza, fosthom in-nuqqas ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà fuq il-bokkaport tal-lift fejn seħħ l-inċident. Esperti tal-Qorti maħtura waqt l-inkjesta kienu stabbilixxew li Ellul miet waqt li kien qed jipprova jispezzjona tagħmir li ma jaħdimx sew billi daħħal rasu mill-bokkaport.
Minbarra l-akkużi ta’ omiċidju involontarju, Cachia, Cauchi, u Bilocca huma mixlija wkoll li rrifjutaw jew naqsu milli jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex ma jseħħux dan it-tip ta’ inċident.
Meta bdiet il-kumpilazzjoni, il-Qorti nnutat li kienet tressqet rikors mid-difiża, li fiha kienet qed toġġezzjona għall-ħatra ta’ wieħed mill-esperti tal-inkjesta.
Il-maġistrat ta lill-prosekuzzjoni sal-15 ta’ Settembru biex jiffamiljarizzaw ruħhom mat-talba u jippreżentaw ir-risposta tagħhom.
Il-każ ġie differit għat-3 ta’ Ottubru.
L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed ikun rappreżentat mill-avukati Ramon Bonett Sladden u Sean G. Borg, li qed jassistu lill-Ispettur tal-pulizija Ian Vella li qed imexxi l-prosekuzzjoni.
Bilocca, Fleri, Salamone u Borg qed jiġu assistiti mill-avukati Stephen Tonna Lowell, Stefano Filletti u Maurice Meli. L-avukati Michael u Lucio Sciriha qed jirrappreżentaw lil Cachia, bl-avukat Arthur Azzopardi jidher għal Cauchi.
Il-familja tal-vittma qed tkun assistita mill-avukati Franco Debono, Francesca Zarb u Adreana Zammit.