Tifel ta’ tliet snin allegatament ipprova jwaqqaf lil missieru waqt attakk fuq ommu

Raġel ta’ 47 sena nżamm arrestat wara li martu allegatament sofriet ġrieħi gravi f’rasha waqt każ ta’ vjolenza domestika • Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin u pprojbiet il-pubblikazzjoni tal-ismijiet u l-lokalitajiet involuti

ifel ta’ tliet snin allegatament ipprova jiddefendi lil ommu waqt li missieru kien qed jattakkaha fid-dar tagħhom, instema’ fil-Qorti.

Ir-raġel ta’ 47 sena tressaq taħt arrest b’rabta mal-każ, li allegatament ħalla lil martu bi ġrieħi gravi.

Il-Pulizija ntalbet tintervjeni wara rapport dwar mara li kienet ħarġet fit-triq b’demm ma’ rasha u li kellha bżonn assistenza medika urġenti.

Meta l-uffiċjali waslu fuq il-post, l-akkużat allegatament ammetta li kien poġġa jdejh fuq martu u ġie arrestat.

Il-mara ttieħdet l-Isptar Mater Dei, fejn ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi.

Waqt li kienet l-isptar, hija tkellmet ma’ uffiċjali mit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika u qaltilhom li kienet ilha f’relazzjoni mal-akkużat għal madwar għaxar snin.

Skont ir-rakkont tagħha lill-Pulizija, l-attakk seħħ fid-dar tagħhom fil-preżenza ta’ binhom ta’ tliet snin.

Hija allegat li żewġha qabadha minn xagħarha u beda jsabbat rasha mal-għamara diversi drabi.

Il-Qorti semgħet li t-tifel ipprova jindaħal u talab lil missieru jieqaf waqt li pprova jipproteġi lil ommu.

Il-mara eventwalment irnexxielha toħroġ mid-dar waqt li kienet qed tnixxi d-demm minn rasha, bl-akkużat allegatament isegwiha barra.

Risk assessment li sar mit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika kklassifikatha bħala li tinsab f’riskju estrem.

L-akkużat qed jiffaċċja akkużi fosthom li kkaġuna ġrieħi gravi, li ġiegħel lill-allegata vittma tibża’ li se tintuża vjolenza fil-konfront tagħha, kif ukoll reati oħra marbuta mal-każ ta’ vjolenza domestika.

Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest u sostniet li, jekk jingħata l-bail, ir-raġel ikun jista’ jmur joqgħod ma’ ommu f’lokalità differenti.

Omm l-akkużat dehret ukoll quddiem il-Qorti u tat garanzija li binha kien se joqgħod magħha.

Il-Qorti, iżda, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li r-raġel jibqa’ jinżamm arrestat.

Fuq talba tal-prosekuzzjoni, inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma.

L-ordni se tibqa’ fis-seħħ għal tliet snin u tipprojbixxi lill-akkużat milli jagħmel kuntatt magħha direttament jew indirettament, kemm personalment kif ukoll online jew permezz ta’ terzi persuni.

Il-Qorti ordnat ukoll li ma jiġux ippubblikati l-ismijiet u l-lokalitajiet tal-persuni involuti.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef, filwaqt li l-Avukat Jennifer Polidano dehret f’isem l-Avukat Ġenerali. L-akkużat kien assistit mill-Avukat Alizée Micallef.

More in Qrati u Pulizija