Raġel ta’ 32 sena nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għal sensiela ta’ akkużi marbuta ma’ allegat attakk fuq tliet uffiċjali tal-Pulizija waqt inċident fil-Belt Valletta fit-30 ta’ Settembru.
James Manfrè, residenti l-Imsida u li qal lill-Qorti li ma jaħdimx, tressaq wara li tliet uffiċjali allegatament ġew aggrediti waqt li kienu qed jintervjenu fi ġlieda fi Triq San Mark.
L-Ispettur Abigail Pomroy qalet lill-Qorti li l-Pulizija kienu ntalbu jassistu wara argument li fih Manfrè allegatament kien involut ma’ persuna oħra.
Skont il-prosekuzzjoni, Manfrè kien aġitat u aggressiv meta l-uffiċjali intervjenew, tant li kellhom irażżnuh.
Huwa ttieħed id-Depot tal-Pulizija, iżda aktar tard qal lill-uffiċjali li ma kienx qed iħossu sew u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.
Il-Qorti semgħet li Manfrè ngħata police bail waqt li kien qed jirċievi trattament.
Il-persuna l-oħra involuta fl-argument, John Pierre Farrugia, kienet tressqet separatament u ngħatat sentenza sospiża wara li ammettiet li kkaġunat ġrieħi gravi lil Manfrè.
L-Ispettur Pomroy qalet li waqt li kienet fl-awla għat-tressiq ta’ Farrugia, il-Pulizija ġew infurmati li Manfrè kien inħareġ minn Mater Dei.
Sussegwentement inħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu u huwa tressaq il-Qorti.
Manfrè wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha.
Skont l-akkużi, huwa qed jiġi mixli b’reati fil-konfront ta’ uffiċjali tal-Pulizija, fosthom li kkaġuna ġrieħi waqt li kienu qed jaqdu dmirhom, uża vjolenza jew theddid fil-konfront ta’ uffiċjali pubbliċi, irreżista lill-Pulizija, insultahom jew heddidhom, għamel ħsara fi proprjetà u kiser il-paċi pubblika.
L-akkużi jinkludu wkoll allegat ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest imposti f’każijiet oħra.
Waqt is-seduta, l-avukati tad-difiża Franco Debono u Andreana Zammit staqsew lill-prosekuzzjoni dwar jekk Manfrè kienx taħt l-effett tal-alkoħol fil-ħin tal-inċident.
L-Ispettur Pomroy qalet li kien Manfrè stess li qal li kien fis-sakra, iżda l-Pulizija ma wettqux breathalyser jew testijiet tossikoloġiċi peress li huwa kien qed jiġi ttrattat l-isptar.
Id-difiża talbet li fis-seduta li jmiss jitla’ jixhed xi ħadd dwar jekk sarux testijiet tossikoloġiċi fuq Manfrè waqt li kien Mater Dei.
Il-prosekuzzjoni argumentat li kien meħtieġ rikors formali biex jitressaq ix-xhud mitlub mid-difiża.
Id-difiża, iżda, sostniet li l-Qorti għandha s-setgħa tordna t-taħrika ta’ kwalunkwe xhud li tqis meħtieġ.
Il-Qorti laqgħet it-talba u ordnat li x-xhud jitressaq fis-seduta li jmiss.
Ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest u Manfrè nżamm arrestat.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Abigail Pomroy. L-avukati Justine Brincat u Joseph Camilleri Azarov qed jidhru f’isem l-Avukat Ġenerali, filwaqt li diversi avukati qed jidhru parte civile għall-uffiċjali tal-Pulizija involuti.
L-avukati Franco Debono u Adreana Zammit deheru għall-akkużat.