Xhud jgħid li Silvio Grixti kien itih karti b’firma ta’ tabib ieħor
Il-Qorti tisma' numru ta' xhieda fl-ewwel smigħ fil-każ tal-frodi tal-benefiċċji • Xhud jgħid li mar għand Silvio Grixti minħabba d-dipressjoni, u l-karti mediċi li rċieva kienu ffirmati minn tabib li qatt ma mar għandu
minn Marianna Calleja
L-eks membru parlamentari Laburista Silvio Grixti, flimkien ma’ erba’ individwi oħra ġew mixlija bl-allegat involviment fil-frodi tal-benefiċċji soċjali.
Grixti, tabib ta’ 49 sena tressaq il-Qorti flimkien ma’ Roger Agius ta’ 45 sena, Emmanuel Spagnol ta’ 69 sena, Dustin Caruana ta’ 36 sena u Luke Saliba ta’ 33 sena.
Huma kollha qed jiġu akkużati b’ħasil ta’ flus, frodi, kriminalità organizzata, u ffalsifikazzjoni ta’ dokumenti.
Intant, Emmanuel Spagnol u Dustin Caruana qed jiġu akkużati wkoll li kisru l-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja. Id-difensuri kollha jsostnu li mhumiex ħatja.
Fis-smigħ, il-prosekuzzjoni talbet ordni ġenerali ta’ ffriżar fuq l-assi tal-akkużati. It-talba ġiet milqugħa mill-qorti, u l-prosekuzzjoni ngħatat 90 jum biex tispeċifika liema assi kellhom jiġu ffriżati.
Il-prosekuzzjoni ppreżentat ukoll stqarrijiet meħuda mill-akkużat.
L-ewwel li ġie interrogat mill-pulizija kien Grixti f’Novembru 2021. Hu reġa’ ġie interrogat f’Novembru 2023, fl-istess żmien li ġew interrogati l-akkużati l-oħra.
Spetturi u eks uffiċjali jibdew jagħtu x-xhieda tagħhom
L-ewwel li xehed illum kien James Camilleri, uffiċjal mit-taqsima tas-cybercrime tal-pulizija. Camilleri ppreżenta hard disk li fiha siltiet mill-mowbajl u l-laptop ta’ Grixti.
Wara Camilleri kien hemm Timothy Zammit, eks-Spettur fi ħdan is-cybercrime unit li kien involut fl-investigazzjonijiet. Zammit qal li fis-26 ta’ Novembru 2021, intalbet l-assistenza tiegħu fir-rigward ta’ investigazzjoni tal-FCID dwar l-eks-MP.
Zammit spjega li bl-għajnuna tal-pulizija, huwa ġabar informazzjoni minn kompjuters f’numru ta’ kliniċi li fihom kien jaħdem Grixti, kif ukoll il-mowbajl tiegħu. Huwa ddettalja kif waqt l-interrogazzjoni tiegħu, Grixti baqa’ sieket.
Ir-rwol ta’ Zammit fl-investigazzjoni kien li jfittex dokumenti ta’ ċertu Frank Farrugia. Zammit spjega li Farrugia kien suspettat li għamel użu minn dokumenti foloz, u meta mistoqsi mill-pulizija, qal li d-dokumenti ngħatawlu minn Silvio Grixti.
L-eks Spettur qal lill-Qorti li wara li evalwa l-informazzjoni tal-kompjuter permezz ta’ softwares forensiċi, sab 630 file suspettuż.
Kompla enfasizza li għalkemm sab dokumenti b’isem Farrugia fuqhom, sab dokumenti kważi identiċi ta’ individwi oħra.
Fost is-sejbiet kien hemm numru ta’ dokumenti li kien fihom letterheads fin-naħa ta’ fuq, kontenut li jista’ jiġi editjat fin-nofs, kif ukoll spazji għall-firem fil-qiegħ tad-dokumenti. Dan it-tip ta’ dokument, spjega Zammit, jista’ jkun indikattiv ta’ dokumenti falsifikati.
Is-sejbiet kienu jinkludu dokumenti ta’ Transport Malta, kif ukoll dokumenti mediċi ta’ pazjenti differenti, iżda l-maġġoranza kellhom l-istess riżultati mediċi u kellhom l-istess dati.
Kontro-eżaminat mill-avukat difensur Franco Debono, Zammit kien ippressat dwar jekk l-istruzzjonijiet tiegħu kinux relatati biss ma’ dokumenti li fihom Frank Farrugia. Għal din il-mistoqsija l-eks Spettur wieġeb fil-pożittiv.
Anthony Scerri, eks Spettur ieħor li ġej mill-FCID kien imiss biex jieħu l-post tax-xhieda.
Scerri spjega kif f’Ottubru 2021, irċieva email mis-Segretarju Permanenti tal-OPM Joyce Cassar fejn informa lill-pulizija li Frank Farrugia kien ippreżenta ċertifikati mediċi ffabbrikati.
Wara li ra d-dokumenti inkwistjoni, Scerri staqsa lit-tabib li l-firma tiegħu kienet fuq id-dokumenti, Peter Muscat. Muscat kien qal lill-Ispettur li Farrugia ma kienx klijent tiegħu u li d-dokumenti inkwistjoni kien fihom kliem differenti minn dak li kien jikteb hu.
Farrugia ġie arrestat u interrogat u hawn fejn irrifjuta d-dritt tiegħu għal rappreżentant legali u ammetta li uża d-dokumenti foloz. Mal-ewwel qal lill-pulizija li d-dokumenti ngħataw lilu minn Silvio Grixti.
Ix-xhud iddettalja kif l-istorja baqgħet tiżvolġi quddiemu hekk kif staqsa tobba oħra li isimhom kien jidher fid-dokumenti foloz.
Scerri qal li l-investigazzjoni wasslet ukoll għas-sejba ta’ dokumenti ta’ Transport Malta li l-awtorità kienet spjegat li l-funzjoni tagħhom kienet li tirrevoka l-liċenzja tas-sewqan ta’ dawk li huma intitolati għal benefiċċji soċjali ta’ diżabilità severa.
Ix-xhud kien mistoqsi minn Jason Azzopardi jekk l-impjegati tal-OPM Sonia Abela u Ray Mizzi qattx dehru fl-investigazzjonijiet tiegħu. Din id-darba x-xhud wieġeb fin-negattiv.
Jixhed Frankie Farrugia
It-tielet xhud kien Frankie Farrugia, il-persuna indikata mill-OPM bħala persuna li għamlet użu minn dokumenti ffalsifikati. Farrugia qal lill-Qorti li kien diġà ġie mixli b’rabta mal-użu ta’ dokumenti foloz.
Ix-xhud spjega li jaħdem fl-Isptar Mater Dei, u li wara li kien qed iħoss ċertu dipressjoni, mar għand Silvio Grixti meta kien għadu jpoġġi fi klinika f’Ħal Għaxaq.
Skont Farrugia, Grixti tah tliet ittri ffirmati minn Peter Muscat fi tliet żjarat differenti.
Ix-xhud spjega kif kien qal lil Grixti li hu qatt ma kien ra lil Peter Gatt. Grixti pero qallu “agħmel dak li ngħidlek jien u ma jkollokx problemi.”
Skont Farrugia, l-istruzzjonijiet ta’ Grixti kienu li jgħid lill-bord li kien ilu pazjent ta’ Muscat. Aktar tard Farrugia sostna li ma rċieva l-ebda benefiċċju soċjali. Spjega wkoll li ż-żjarat tiegħu fil-klinika ta’ Grixti kienu jsiru kull darba li l-bord mediku kien bagħat għalih.
L-aħħar xhud tal-lum kien George Cremona Direttur tal-Konformità tal-Benefiċċji fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja Soċjali.
Ix-xhieda tiegħu ddettaljat il-ħlasijiet frawdolenti tal-benefiċċji soċjali mibgħuta lill-imputati Roger Agius u Luke Saliba.
Cremona qal li fir-rigward ta’ Agius, il-ħlasijiet tiegħu kienu bdew lura fl-2016 u spiċċaw f’Novembru li għadda, hekk kif irċieva 'l fuq minn €43,000 f'benefiċċji u għadu ma ħallas l-ebda wieħed minnhom lura.
Minkejja li kien benefiċjarju tal-benefiċċji soċjali, Cremona qal li l-applikazzjoni tiegħu ma kienx fiha rapport ta’ newrologu jew psikjatra kif titlob il-liġi.
Fejn jidħol Luke Saliba, ix-xhud qal li t-talba tiegħu għall-benefiċċji soċjali ġiet milqugħa f’Jannar tal-2019, fejn irċieva aktar minn €23,000 qabel ma nqatgħu l-benefiċċji.
Fuq nota ġenerali, Cremona qal li ġew mitluba ‘l fuq minn €6,000,000 permezz ta’ din l-iskema ta’ frodi, li nqasam bejn 321 każ.
Is-seduta tkompli fis-17 ta’ April fil-11:00am.