Raġel mixli li saq għal fuq il-karozza tal-eks sieħba tiegħu u aggrediha

Raġel ta’ 29 sena mill-Ħamrun huwa akkużat li saq apposta għal fuq il-karozza tal-eks sieħba tiegħu u aggrediha, il-libertà proviżorja ġiet miċħuda

Raġel ta’ 29 sena mill-Ħamrun ġie akkużat li ħabat intenzjonalment fil-karozza tal-eks-sieħba tiegħu, qabel ma aggrediha fit-triq.

Tarek Khodir tressaq il-Qorti quddiem il-maġistrat Caroline Farrugia Frendo nhar it-Tlieta, akkużat li fl-10 ta’ Marzu kkawża ġrieħi ħfief u ħsara volontarja, akkużat li saq perikoluż, li insulenta u kiser il-paċi. 

Huwa kien akkużat ukoll li fit-3 ta’ Marzu qatta’ żewġ tyres tal-karozza tal-mara, li allegatament insulentaha u heddidha wkoll dakinhar stess. Khodir kien akkużat ukoll li sar reċediv.

Khodir huwa allegat li segwa l-karozza tal-vittma hekk kif ħalliet il-post tar-residenza tagħha fit-3 ta’ Marzu. Il-pulizija tgħid li f’ħin minnhom, Khodir saq il-karozza tiegħu u baqa’ dieħel ġo tal-eks sieħba tiegħu, imbagħad sawwatha fit-triq meta kienet ħierġa mill-vettura.

Huwa kien ingħata sentenza sospiża fl-2016 wara li nstab ħati ta’ diversi serqiet, iżda dik il-piena aktar tard tnaqqset għal ordni ta’ probation u servizz fil-komunità wara appell. 

Sentejn wara, fl-2018, Khodir reġa’ kien il-Qorti, akkużat flimkien ma’ raġel ieħor, li kienu użaw taser fuq bidwi u serquluh. 

L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi. L-Avukat Benjamin Valenzia, li assista lil Khodir bħala avukat difensur, talab il-ħelsien mill-arrest. L-ispettur tal-pulizija tal-prosekuzzjoni Audrey Micallef oġġezzjonat għat-talba. 

Il-libertà proviżorja ġiet miċħuda minħabba r-riskju ta’ tbagħbis tal-evidenza, kif ukoll minħabba n-natura serja tar-reati li kien akkużat bihom Khodir.

L-Avukat Marita Pace Dimech dehret parte civile għall-vittma.

More in Qrati u Pulizija