Cassola jixhed fil-qorti li rċieva theddid fuq Facebook

Arnold Cassola qal li l-insulti fuq l-internet u l-kummenti offensivi huma parti integrali minn ħajtu bħala politiku, iżda theddid ta’ vjolenza u mewt le

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola qal fil-Qorti quddiem il-maġistrata Donatella Frendo Dimech, li kien għażel li jtella’ lil Jesmond Muscat il-qorti minħabba kummenti ta’ theddid li ħalla fuq Facebook. 

Cassola qal li l-insulti fuq l-internet u l-kummenti offensivi huma parti integrali minn ħajtu bħala politiku, iżda theddid ta’ vjolenza u mewt le. 

Muscat jinsab mixli li insulenta u hedded lill-kandidat f’sensiela ta’ posts fuq Facebook. Cassola esebixxa kopji tal-kummenti u video bil-frażi ‘RIP Cassola’ fuq il-paġna personali tiegħu. 

L-imputat kien wkoll tefa’ stampa ta’ toilet bi tweġiba għal waħda mill-posts ta’ Cassola, fejn kiteb “oqgħod attent li xi ħadd ma jagħtikx daqqa ta’ ponn f’wiċċek, tinsiex li int biss persuna normali, mhux xi ministru, m’hemmx aktar ħarxa, allura aħjar tħalli lin-nies bi kwiethom”.

Mistoqsi jekk qattx ra lil Muscat qabel, Cassola qal li ma kienx.

“Nirċievi mijiet ta’ insulti. Kien jibgħatli regolarment stampa ta’ kontenitur taż-żibel b’wiċċi fuqu.”

Il-maġistrat qal lill-avukat difensur, Albert Zerafa, biex iħares lejn l-istampi esebiti mill-pulizija, filwaqt li rrimarkat li ddiżgustawha.

Waqt li kontro-eżamina lil Cassola, Zerafa talab lix-xhud jikkonferma li kien qed jilmenta dwar it-theddid, u mhux l-insulti. Cassola wieġeb li kien jirċievi ħafna iktar iżda li kellu jfassal linja, anke fil-ħajja pubblika.

Il-Qorti osservat li waħda mill-istampi kienet ta’ toilet b’wiċċ Cassola fuqha. Cassola qal li bgħattlu 200 kopja tal-istess stampa. 

Fi tweġiba għal mistoqsija ta’ Zerafa, Cassola qal li ma kienx irrapporta dawk, u spjega li “għalija, il-linja tasal sa’ vjolenza u l-mewt.”

Il-Qorti ħatret espert biex jippreserva kopji tal-kummenti ta’ Facebook fuq il-profil ta’ Cassola u kummenti oħra li għamel Jesmond Muscat, u biex jikseb kwalunkwe informazzjoni ta’ identifikazzjoni mingħand min jipprovdi servizz dwar il-persuna li tuża l-profil.

Il-każ ġie diferit għal Mejju.

More in Qrati u Pulizija