Meli ppreżenta appell wara li ta l-kunsens biex jiġi estradit lejn l-Istati Uniti

Daniel Meli biddel l-avukat tiegħu u ressaq appell permezz tal-avukati l-ġodda; L-Imħallef mistenni jagħti sentenza dwar l-appell il-ġimgħa d-dieħla

Raġel Malti li, aktar kmieni dan ix-xahar, ta l-kunsens tiegħu li jiġi estradit lejn l-Istati Uniti biex jaffaċċja akkużi ta’ bejgħ ta’ spyware onlajn, jibqa’ Malta wara li ppreżenta appell. 

Daniel Meli ta’ 27 sena minn Ħaż-Żabbar kien ġie arrestat fis-7 ta’ Frar f’operazzjoni li kienet ikkoordinata mill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ta’ Malta, bl-appoġġ tal-FBI u d-Dipartiment tal-Ġustizzja.

L-estradizzjoni ta’ Meli kienet mitluba mid-Distrett tat-Tramuntana ta’ Georgia wara li kien akkużat f’Diċembru 2023, għal aċċess għall-kompjuter, ħsara u reati relatati mal-interċettazzjoni.

Il-prosekuturi tal-Istati Uniti akkużaw lil Meli li offra prodotti u servizzi ta’ malware, fosthom Trojan Pegasus (RAT) għall-bejgħ liċ-ċiberkriminali permezz ta’ forums tal-hacking tal-kompjuter onlajn "mill-inqas mill-2012."

Huwa kien tressaq quddiem il-Qorti fid-9 ta’ Frar u kien ta l-kunsens tiegħu għat-talba ta’ estradizzjoni waqt dik is-seduta.

Iżda jidher li Meli sussegwentement biddel l-avukat tiegħu u ressaq appell permezz tal-avukati l-ġodda, l-avukati Franco Debono u Arthur Azzopardi.

L-Imħallef Neville Camilleri mistenni jagħti sentenza dwar l-appell ta’ Meli il-ġimgħa d-dieħla.

More in Qrati u Pulizija