L-aħwa Degiorgio rrifjutaw milli jixdhu fil-libell ta' Muscat - ' issa tridni nixhed b’xejn?'

George Degiorgio qal lill-Qorti li rrifjuta li jixhed ‘‘b’xejn’’ f’każ ta’ libell imressaq mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat – iżda qabel kemm hu kif ukoll ħuh ikkonfermaw li ffirmaw dikjarazzjoni li ssemmi l-ogħla figuri tal-gvern fi pjan biex tiġi assissinata il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia

George Degiorgio qal lill-Qorti li rrifjuta li jixhed ‘‘b’xejn’’ f’każ ta’ libell imressaq mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat – iżda qabel kemm hu kif ukoll ħuh ikkonfermaw li ffirmaw dikjarazzjoni li ssemmi l-ogħla figuri tal-gvern fi pjan biex tiġi assissinata il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

George u Alfred Degiorgio, li qed jiskontaw sentenza ta’ 40 sena ħabs talli wettqu l-qtil ta’ Caruana Galizia fl-2017, it-tnejn irrifjutaw li jixhdu kontra Muscat fil-każ ta’ libell, l-avukat tagħhom, Noel Bianco, ikkwota uffiċjalment proċeduri Kostituzzjonali li għaddejjin bħalissa.

Iżda sorsi infurmati tajjeb spjegaw lill-MaltaToday li d-Degiorgios ma iridux jiżvelaw informazzjoni li ilhom jitolbu li jgħarrfu lill-awtoritajiet dwarha, bil-patt li titnaqqsilhom il-piena.

Il-Maġistrat Victor Axiak ippreseda seduta tensa nhar it-Tnejn fil-kawża ta’ libell ta’ Muscat kontra l-avukat Christian Grima, wara post fuq Facebook li fiha Grima ssuġġerixxa li Muscat kellu sehem fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

F’Ottubru tal-2022, Muscat kien ċaħad din l-affermazzjoni bil-qawwa, u qal lill-qorti li Grima kien “qabeż linja ħamra hemmhekk”. Matul dik is-seduta, il-qorti kienet ġiet infurmata li l-partijiet kienu viċin li jsolvu l-kawża barra l-qorti, iżda l-ftehim evidenti ma kienx konkluż.

George Degiorgio kien l-ewwel li ssejjaħ biex jixhed. Huwa daħal fl-awla, akkumpanjat mill-avukat tiegħu, Noel Bianco.

Wara li l-maġistrat ta l-ġurament, Bianco informa lill-qorti li l-klijenti tiegħu mhux se jkunu qed jixhdu minħabba każ Kostituzzjonali li kien għaddej. “F’dan l-istadju, mhuwiex opportun li jixhdu,” qal l-avukat.

Il-Qorti rrimarkat li l-akkużati kellhom biss dritt li ma jinkriminawx lilhom infushom fi proċedimenti kriminali, u ma jikkawżawx preġudizzju għal dawk Kostituzzjonali.

 

Bianco imbagħad sostna li l-proċeduri dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia ma kinux spiċċaw, minħabba li l-kumpilazzjoni tal-provi kontra Yorgen Fenech reġgħet infetħet minħabba skorrettezza mill-prosekuzzjoni.

Min-naħa tiegħu, l-avukat ta’ Muscat Pawlu Lia qal li l-fatt li l-qattiela jinġiebu jixhdu kien sempliċiment spettaklu għall-istampa.

Il-maġistrat ma qabilx maż-żewġ avukati iżda wieġeb li ma ra l-ebda impediment biex ix-xhieda jixhdu.

Lia sostna li fil-liġi, il-konvenut fi proċeduri ta’ libell irid ikollu diġà l-provi f’idejh meta ġiet it-talba ta’ libel, izda l-qorti rrimarkat li dan kien argument fuq il-merti tal-kawża.

Grech sostna li l-uniċi raġunijiet li għalihom xhud jista’ legalment jirrifjuta li jixhed kienu limitati fil-liġi għas-segretezza professjonali u biex tiġi evitata l-awtoinkriminazzjoni.

Lia wieġeb li d-difiża tal-verità kienet teħtieġ il-pussess ta’ evidenza, “mhux tmur tistad [għall-evidenza].”

Il-maġistrat ordnabiex jixhed George Degiorgio.

Bil-qattiel fuq il-pedana, Grech wera lix-xhud stqarrija għall-istampa ffirmata minn Degiorgio stess u talbu jagħraf il-firma tiegħu. Lia qal li l-fotokopja ma kinitx ammissibbli. Huwa pprotesta li ma kien qed joġġezzjona għal xejn imma ried biss li l-affarijiet iseħħu kif suppost.

Degiorgio ikkonferma li kienet il-firma tiegħu fuq l-istqarrija għall-istampa, li fiha kien allega li l-fatti kienu qed jitgħawġu sabiex “jipproteġu ċerti individwi prominenti” u li l-aħwa Degiorgio kienu ntużaw mill-eks ministri Carmelo Abela u Chris Cardona, mill-avukat David Gatt u uffiċjali tal-pulizija ta’ grad għoli, fosthom eks kummissarju tal-pulizija, kif ukoll “avukati u persuni ta’ fiduċja oħra.”

Wara li nqara d-dokument li kien ipproġettat fuq skrin kbir fil-Qorti, George Degiorgio ikkonferma li hu kien kitbu.

Grech staqsa lil Degiorgio dwar l-istqarrija tiegħu, u staqsieh x’jista’ jgħid lill-Qorti dwar l-involviment tal-eks ministru Chris Cardona u l-eks Chief of Staff tal-OPM Keith Schembri fil-qtil.

Id-difiża oġġezzjonat għall-mistoqsijiet, u qalet li kien "impertinenti li tixhed dwar nies li mhumiex partijiet fil-każ.”

Il-Qorti ssuġġeriet li l-interrogazzjoni ta’ Grech tkun dwar jekk Muscat kienx involut jew le fil-qtil. Grech kompla jistaqsi dwar Schembri u Cardona, u qal li kien punt importanti.

F’dak il-punt, Degiorgio reġa’ tkellem. "Ma rridx nagħti din ix-xhieda hawn...." hu qal. "M'għandix xi ngħid."

“Il-problema hi li l-liġi tobbligak tixhed. Jekk ma tagħmilx ikun hemm problemi,” irrimarka bil-mod il-Maġistrat Axiak.

“Imma għaliex għandi nkun obbligat nixhed, jekk diġà għedt lil qrati oħra li ma nistax? Ħa jkolli problemi allura. Tlabt lill-President [għal maħfra bi skambju għal din l-informazzjoni] u ġie rrifjutat u issa tridni nixhed b’xejn? Meta nies oħra kellhom 15-il sena?”

Degiorgio qal lill-Qorti li kien qed jirrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet oħra.

Il-maġistrat għal darb’oħra fakkar lix-xhud li hu kien obbligat legalment jixhed. “Ma nixtieqx nixhed... se nixhed dwarha fil-futur. Għaliex għandi niżvelaha b’xejn?” tenna Degiorgio.

Il-maġistrat issospenda s-seduta u f’dan il-punt irtira fl-awli. Meta rritorna ftit minuti wara, reġa’ sejjaħ għal Degiorgio fuq il-pedana, u staqsa jekk kienx se jixhed. Ix-xhud ippersista fir-rifjut tiegħu.

Il-qorti tagħtu ġimgħa biex jerġa’ jikkunsidra. “Nista’ ngħidlek it-tweġiba tiegħi issa, jekk trid,” kienet it-tweġiba ta’ Degiorgio.

Il-maġistrat issuġġerixxa li jieħu l-opportunità offruta biex jikkonsulta mal-avukat tiegħu fil-ġimgħa li ġejja.

Alfred Degiorgio kien imsejjaħ għall-pedana li jmiss, fejn il-proċess ġie ripetut. Intwera d-dokument li kien iffirma, filwaqt li Lia irrimarka lill-avukat oppost dwar li kien hemm “ħafna veritajiet differenti.”

Huwa wkoll ikkonferma l-firma tiegħu fuq id-dokument. Mistoqsi jekk ikkonfermax il-verità tiegħu qal “Nagħżel li ma nixhedx għalissa. F'dan l-istadju ma rridx. Għandi proċeduri Kostituzzjonali għaddejjin u proċeduri oħra. Ma nistax…”

“Nagħżel li ma nwieġebx f’dan l-istadju. Il-pulizija ma ħallitnix nagħti l-verżjoni tiegħi.”

Il-maġistrat tah wkoll ġimgħa lil Alfred Degiorgio biex jikkunsidra l-konsegwenzi li jonqos milli jixhed, qabel infurmah li kien se jerġa’ jissejjaħ biex jixhed fi żmien ġimgħa.

L-Avukat Adrian Vella ma deherx għas-seduta tal-lum.

Il-każ ikompli l-ġimgħa d-dieħla.

L-avukat Pawlu Lia qed jidher għal Joseph Muscat, l-avukat Carl Grech qed jirrappreżenta lil Grima fil-proċeduri.

More in Qrati u Pulizija