Raġel imfittex mill-Pulizija jgħid li kien jaħdem fil-Palazz Presidenzjali

Ir-raġel qabeż il-libertà proviżorja fuq akkużi ta’ serq iżda ġie rikonoxxut waqt li kien qed jinstalla balavostri fil-Palazz Presidenzjali

Raġel imfittex mill-pulizija wara li qabeż il-libertà proviżorja fuq akkużi ta’ serq, ingħaraf meta kien qiegħed jarma balavostri fil-Palazz Presidenzjali. 

Tristan Farrugia Tedesco ta’ 27 sena, mingħajr residenza fissa, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Elaine Mercieca nhar it-Tnejn, akkużat li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja li kien tpoġġa taħthom f’Ġunju u Novembru 2022. Huwa ġie mixli wkoll li rreżista lill-pulizija fl-għassa ta’ Birkirkara f’Ottubru u li kkaġuna ħsara volontarja fil-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana, billi kisser fanal.

Tedesco, daħal fil-Qorti jaqbeż fuq sieq waħda hekk kif siequ l-leminija kienet miksura. Huwa tkellem mal-MaltaToday u qal li siequ kisirha meta kien taħt il-kustodja tal-Pulizija billi ta daqqiet mal-bieb taċ-ċella waqt li kien qed isofri minn sintomi severi ta’ rtirar mid-drogi. 

L-Ispettur Clayton Camilleri, li qed imexxi l-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispettur Joseph Mallia, qal lill-Qorti li l-imputat kien ilu ma ffirmax il-bail book għal dawn l-aħħar ġimgħat, li wassal biex inħarġu żewġ mandati ta’ arrest b’rabta ma’ proċeduri kriminali li għaddejjin kontrih.

Fl-istess ħin, Farrugia Tedesco qed jiġi investigat ukoll għal aktar serqiet.

L-imputat, li hu mifhum li evita l-insegwiment tal-pulizija kemm fit-toroq kif ukoll fuq soqfa. Huwa mar min jeddu stess f’għassa fuq parir tal-avukat tiegħu.

X’ħin mistoqsi mill-Qorti jekk hux impjegat, Tedesco wieġeb li kien għadu kif waqaf milli jkompli jaħdem fil-Palazz Presidenzjali jinstalla xi balavostri għall-President George Vella.

Wara li spiċċat is-seduta, Tedesco qal lil MaltaToday li kien impjegat minn kuntrattur u qallu biex ma jirrapportax aktar għax-xogħol mill-President innifsu, għalkemm din l-istqarrija għadha mhix vverifikata. 

Fil-bidu, Tedesco wieġeb ħati għall-akkużi, iżda meta l-Qorti wissietu li l-flus ta’ garanzija - total ta’ madwar €15,000 - jistgħu jkunu kkonfiskati, deher inċert. 

L-avukat difensur Noel Bianco spjega li Tedesco kellu problema tad-droga u ried jiġi kkurat. 

Tedesco saħaq li qatt ma kkonsma droga fil-ħabs u li ilu jipprova jieqaf minn dan il-vizzju fuq seba’ snin. Il-Qorti rrimarkat li dan ma jfissirx li kellu jwieġeb ħati u li kien hemm għażliet oħra ta’ trattament disponibbli għalih.

Wara li reġa’ kkonsulta ma’ Tedesco, Bianco informa lill-Qorti li l-klijent tiegħu kien se jkun qed jirtira l-ammissjoni tiegħu u wieġeb mhux ħati. Id-difiża infurmat lill-qorti li f’dan l-istadju ma kinitx qed tintalab il-libertà proviżorja minħabba li l-imputat kien jeħtieġ kura għall-vizzju tad-droga li tkun amministrata aħjar f’ambjent ikkontrollat.

Huwa talab lill-qorti biex tirrakkomanda lid-direttur tas-CCF biex jagħti lil Tedesco l-assistenza medika meħtieġa u jibda l-proċess ta’ rijabilitazzjoni. Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għat-talbiet, li imbagħad ġew milqugħa mill-qorti.

More in Qrati u Pulizija