Raġel li kien arrestat wara li nqabad ipejjep il-kannabis f’park nazzjonali fil-lejl ta’ Halloween ċaħad akkużi relatati ma’ pussess tad-droga.
Christopher Frendo ta’ 24 sena minn San Pawl il-Baħar ġie arrestat fis-Salini Park għall-ħabta tad-9:30 ta’ filgħaxija tal-31 ta’ Ottubru, wara li għassa tal-pulizija li kienet għaddejja nnotat riħa ta’ duħħan tal-kannabis.
Frendo tressaq taħt arrest quddiem il-maġistrat Victor Axiak nhar il-Ħamis, akkużat b’pussess ta’ kannabis f’ċirkustanzi li jindikaw li ma kinitx għall-użu personali u li wettaq dak ir-reat 100 metru bogħod minn post fejn normalment jinġabru ż-żgħażagħ.
L-Ispettur tal-Pulizija Ryan Vella, li qed imexxi l-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispettur Francesco Mizzi, qal lill-Qorti li l-imputat kien pront qal lill-pulizija li kien qed ipejjep id-droga. Minn tfittxija rriżulta li kellu 48g kannabis, maqsuma f’14-il qartas fil-pussess tiegħu dak iż-żmien.
L-avukat difensur Charmaine Cherrett daħħlet dikjarazzjoni ta’ mhux ħatja f’isem il-klijent tagħha u talbet il-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest taż-żagħżugħ, u sostniet li l-ammont ta’ droga li kien qed iġorr kien ferm aktar minn dak assoċjat mal-użu personali.
Cherrett sostniet li l-ammont ta’ drogi misjuba kien biss madwar 20g fuq il-limitu legali u li din l-ewwel kawża ta’ qorti għal Frendo u li hu ivvizzjat. Barra minn hekk, l-imputat kellu impjieg stabbli u kien jgħix ma’ ommu, żiedet tgħid l-avukat.
Il-Qorti staqsiet lill-pulizija jekk tarax xi riskju li l-akkużat ibagħbas l-evidenza jekk jingħata l-libertà proviżorja, li l-Ispetturi wieġbu li ma kienx hemm. “L-unika raġuni li fuqha qed noġġezzjonaw hija l-gravità tal-akkużi,” qal l-Ispettur Vella.
Il-Qorti tat lir-raġel il-ħelsien mill-arrest, u wissietu li jekk jikser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu jista’ jispiċċa l-ħabs.
Frendo kien ordnat li jiffirma darbtejn fil-ġimgħa, josserva curfew u jiddepożita d-dokumenti tal-ivvjaġġar tiegħu fil-qorti.
Il-libertà proviżorja kienet garantita b’depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000. Il-Qorti saħqet li ma għandu javviċina lil ħadd li kien miegħu dak il-lejl tal-arrest